“Il-qasma interna fl-Oppożizzjoni se twassal biex l-Erbgħa ma tistax tingħadda b’żewġ terzi fil-Parlament bidla fil-kostituzzjoni li ssaħħaħ il-ġlieda kontra reati serji.”
Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Partit Laburista f’konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa filgħodu u li kienet indirizzata mill-Ministri Jonathan Attard u Byron Camilleri.
Dan b’rabta mal-abbozz ta’ liġi li jittratta l-possibiltà li l-perjodu ta’ arrest ta’ allegati suspettati li wettqu reati serji, jiżdied bl-awtorizazzjoni tal-Qorti, bi 48 siegħa, bl-għan aħħari jkun li tingħata għodda leġiżlattiva aktar effettiva lill-investigaturi u l-pulizija.
Madankollu fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, il-Ministri Attard u Camilleri ħabbru li aktar kmieni llum ġew infurmati mill-Oppożizzjoni li ma kienx hemm qbil bejn l-Oppożizzjoni nnifisha fuq dawn l-emendi u talbu li l-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ma ssirx.
B’rabta ma’ dan, il-Ministru Jonathan Attard sostna kif il-pajjiż ma jistax jibqa’ ostaġġ ta’ Oppożizzjoni maqsuma. Dan fid-dawl li b’rabta ma’ dan l-abbozz hija trid biss li tibqa’ tiddiskuti.
“Ċertament m’hiniex sorpriż b’din il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni għaliex fid-dibattitu kien hemm pożizzjonijiet kunfliġenti bejn il-kelliema tal-Oppożizzjoni u għal darb’oħra qed naraw Oppożizzjoni li hija maqsuma u ċertament dan il-pajjiż quddiem anke riformi ta’ din il-portata ma jistax jibqa’ ostaġġ ta’ Oppożizzjoni maqsuma u mkissra” sostna l-Ministru Attard.
Minn naħa tiegħu il-Ministru Byron Camilleri sostna kif il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni twaqqgħalhom il-maskra. Dan hekk kif qed ikompli joħroġ ċar u l-poplu qed jirrealizza kemm hu diffiċli li jintlaħaq ftehim mal-istess Oppożizzjoni fuq affarijiet li jirrikjedu żewġ terzi.
Il-Ministru Camilleri rrimarka wkoll kif “fuq bidla waħda li fil-prinċipju hija l-istess bħalma kienet ipproponiet l-Oppożizzjoni nniffisha fil-leġiżlatura li għaddiet meta ġejna umbagħad għas-si u n-no u ħadna dan l-abbozz ta’ liġi quddiem il-Parlament, rajna lill-Oppożizzjoni sfortunatament u b’dispjaċir tfalli mit-test.”
Intant fi stqarrija, il-Partit Laburista sostna li filwaqt li l- pożizzjoni tal-Oppożizzjoni tikxef l-inkonsistenzi tagħha, il-Gvern jaġixxi fl-interess nazzjonali u fl-ebda interess ieħor.
B’dan l-abbozz ta’ liġi propost issa l-pulizija se jkunu jistgħu jitolbu lill-Maġistrat Inkwerenti għal estensjoni bi 48 siegħa oħra, bid-deċiżjoni mill-istess Maġistrat trid tittieħed f’sitt sigħat. F’dawn is-6 sigħat is-suspettat għandu jibqa’ arrestat.
Dan fil-konfront ta’ każijiet li l-allegati imputati warajhom li jkunu akkużati b’reati kriminali punibbli bi tnax-il sena priġunerija jew iżjed.
Apparti minn hekk dan l-abbozz se jikristalizza numru ta’ punti relatati mal-proċedura li trid tiġi segwita, inkluż li l-proċedura tkun waħda sommarja u li d-deċiżjoni tal-Maġistrat ma tkunx soġġetta għal appell u tkun eżegwita minnufih.