Fi stqarrija sostna li proċess indipendenti ta’ skrutinju wiesgħa kkonferma kemm huwa realistiku u vijabbli l-pjan tal-Gvern li jwettaq il-proġett tat-tieni università f’pajjiżna.
Il-Gvern fakkar li kien mill-bidu konvint mill-idea tal-Università Amerikana f’Malta u għalhekk ma kellu ebda diffikulta mill-evalwazzjoni dettaljata li għamlet b’mod indipendenti fl-aħħar xhur il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla. L-analiżi akkademika u finanzjarja rriżultat fil-konklużjoni ċara li dan il-proġett għandu l-kredenzjali meħtieġa biex jingħata l-akkreditazzjoni bħala università f’Malta. L-investituri ssodisfaw il-kriterji kollha edukattivi f’dan l-eżerċizzju rigoruż li fih tat sehemha wkoll il-kumpanija rinomata PwC.
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla tmeri l-biża’ li kien hawn min ipprova jnissel fuq dan il-proġett. Kien żbaljat min qal li din l-istituzzjoni m’hija qatt se tkun kapaċi tissejjaħ bħala università. L-istess kif kien żbaljat min qal li l-Gvern qed jgħaġġel il-proġett u japprovah taħt liġi iktar laxka. L-AUM se tkun tista’ tipprovdi d-doppju ta’ dak mitlub mil-liġi biex tingħata liċenzja ta’ università, iġifieri ħames korsijiet f’livell ta’ baċellerat, kors wieħed ta’ Masters, u erbgħa f’korsijiet f’livell ta’ PhD.
Il-Gvern huwa kburi li, kif qal fid-diskors tiegħu ċ-Chairman tal-Kummissjoni Martin Scicluna, din l-approvazzjoni saret b’mod professjonali u trasparenti, b’rispett lejn il-kontabilità, u bbażat fuq l-evidenza, u għandha sservi bħala kejl ġdid għal eżercizzji simili fil-futur.
“Wieħed jittama li, biex tiġbor gieħha, l-Oppożizzjoni issa ma terġgħax tirreferi għal min imexxi l-Kummissjoni bħala paraventu” sostna l-Gvern.
Qatt qabel f’pajjiżna ma sar eżerċizzju simili biex jintagħżel sit għal proġett maġġuri.
Il-Gvern qal li qed iħares ‘il quddiem b’entużjażmu lejn it-tkomplija tax-xogħol fuq dan il-proġett li se jkun ħolqa oħra f’din il-bidla pożittiva li qed isseħħ f’pajjiżna.