Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, reġa’ espona pubblikament il-qasma li teżisti fil-Partit Nazzjonalista.
Firda li għalkemm qatt ma ntemmet dejjem toħroġ fil-beraħ bid-deċiżjonijiet tal-Kap jew anke ta’ dawk li poġġewh fil-kariga.
Dan waqt intervista li poġġa għaliha Bernard Grech mal-Lovin Malta.
Meta mistoqsi dwar l-istat tal-Partit Nazzjonalista b’differenza għal sentejn u nofs ilu, Bernard Grech ftaħar li s-sitwazzjoni llum hija aħjar minn dik li wiret meta sar Kap.
Dan minkejja li, taħt it-tmexxija tiegħu, il-PN kiseb l-akbar telfa fl-istorja.
“Naħseb taqbel miegħi li l-Partit minn dak l-aspett huwa ħafna aħjar milli kien sentejn u nofs ilu. Inti taf f’liema stat u x’kien għaddej mill-partit.”
Madankollu Bernard Grech ma waqafx hawn hekk kif saħansitra uża argumenti maħsubin biex inaqqas mill-profil tal-predeċessur tiegħu, Adrian Delia.
Fil-fatt, hawn, b’tentattiv li jilgħabha tal-intelliġenti, Bernard Grech bbottja dwar il-konfoffa li saret biex jitneħħa Delia u minflok jitpoġġa hu.
Ġurnalist – “Is it though, is it better than it was two and a half years ago?”
Bernard Grech – “Għandek id-dubju? Qed tara lil xi ħadd għand il-President biex jipprova jbiddel il-Kap tiegħu?”
Kien dan il-kumment li kompla jikxef il-konsenturi kbar fid-Dar Ċentrali u l-firdiet li għadhom jiddominaw sal-lum fil-Partit Nazzjonalista.
Dan hekk kif fil-pront, irreaġixxa l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Fuq Facebook huwa kiteb hekk.
“Jekk il-Partit hux aħjar jew agħar jarawh in-nies. Imma li tifraħ għax lilek ma ttradewkx ma naħsibx li hu ġust.”
Adrian Delia kompla jgħid kif l-attitudni ta’ Bernard Grech hi diżrispett lejn il-Kunsillieri tal Partit filwaqt li fakkar li huwa baqa’ leali.
Huwa temm jgħid ukoll li qatt ma jista’ jaċċetta li dan għandu jkun episodju li jitkejjel il-Partit miegħu.
Intant ma naqsux il-kummenti tan-Nazzjonalisti taħt ir-risposta ta’ Adrian Delia. Ħafna kellhom kliem iebes għal Grech, li fakkruh ukoll kif mexxa l-PN għall-agħar telfa fl-istorja.