Il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni xejnet allegazzjoni ta’ korruzzjoni fil-konfront tal-Ministru Ian Borg b’rabta mal-proġett dwar iċ-ċentru interpretattiv f’Ħad-Dingli.
L-investigazzjoni tal-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni hija konferma oħra li l-Ministru Borg ma wettaq ebda irregolarità f’dan il-proġett.
Sentejn ilu, l-Awditur Ġenerali xejjen ukokll l-istess allegazzjonijiet dwar użu ħażin tal-fondi Ewropej fil-proġett taċ-ċentru f’Ħad-Dingli.
L-Investigazzjoni kienet dwar allegazzjonijiet li saru fil-konfront tal-Ministru Borg li meta kien Sindku twettaq il-proġett f’Ħad-Dingli.
L-allegazzjoni kienet timplika li Borg kellu interess personali f’dan il-proġett u ta’ nuqqasijiet minn entitajiet tal-Gvern li kienu involuti fosthom id-Dipartiment tal-Artijiet.
Fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni ppreseduta mill-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano qalet li l-allegazzjoni li saret minn ċertu Noel Ciantar, kienet miċħuda b’mod mill-aktar ċar għal darba tnejn matul is-smigħ quddiem il-kummissjoni.
Ciantar kien informa lill-Kummissjoni li kien qed jibbaża l-allegazzjoni tiegħu fuq informazzjoni li kien għaddielu l-ex ministru tal-Artijiet Jason Azzopardi.
Madankollu, il-Kummissjoni qalet li huwa sinifikanti ferm għaliha li l-allegazzjoni ġiet miċħuda wkoll mill-istess Jason Azzopardi.
Qalet li dan mhux biss ċaħad kategorikament dak li ngħad, iżda qal bil-kontra ta’ dak allegat.
Il-Kummissjoni nnnota ukoll li ħadd ma kien indikat minn Ħad-Dingli biex jitla’ jixhed quddiemha u li fil-qorti x’jgħidu n-nies ma jammonta għal ebda prova serja u ta’ min joqgħod fuqha.
Fid-dawl ta’ dan, il-kummisjsoni kkonkludiet li m’għandha ebda prova ta’ korruzjoni.
B’reazzjoni għar-rapport il-Ministru Ian Borg qal li anke jekk wara erba’ snin, jinsab sodisfatt li ismu tnaddaf mit-tajn li ntefa’. Qali li huwa kburi b’kull proġett li wettaq u sostna li l-integrità li dejjem mexa biha titkellem waħeda fis-suċċessi miksuba.