F’Ġunju l-attività ekonomika ta’ pajjiżna bdiet tirpilja.
Dan skont aġġornament ekonomiku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, li wera kif l-indiċi tal-attività tan-negozju reġa’ beda jiżdied wara li kien beda nieżel għal diversi xhur minħabba l-imxija.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jinnota li għall-ewwel darba mill-bidu tal-pandemija, il-qgħad beda jonqos u l-indiċi tas-sentiment ekonomiku fost familji u negozji wkoll beda jirpilja. Dan filwaqt li s-sentiment fis-settur tal-kostruzzjoni u fost il-konsumaturi diġà qabeż il-medja storika.
L-andament tal-produzzjoni industrijali u tal-bejgħ mill-ħwienet sar anqas kajman.
Dawn ir-riżultati pożittivi ġew wara l-miżuri ekonomiċi li ħa l-Gvern għar-riġenerazzjoni ekonomika wara l-pandemija.
Il-Bank Ċentrali nnota kif fost l-oħrajn aktar minn ħdax-il elf u tliet mitt familja qed igawdu mill-moratorju fuq id-dejn, bl-imgħax u pagamenti dovuti fuq dejn ta’ kważi sitt mija u għoxrin miljun ewo jiġu posposti.
Ma dawn wieħed iżid kważi elfejn u ħames mitt negozju, li nofshom huma ħwienet, ristoranti u lukandi li qed igawdu minn postponiment ta’ ħlasijiet fuq djun ta’ kważi aktar minn biljun ewro.
Barra mill-moratorju, ir-rapport tal-Bank Ċentrali jinnota wkoll li sa tmiem Ġunju mitejn u ħamsa u ħamsin kumpanija gawdew minn self garantit mill-Bank Malti għall-Iżvilupp, liema self laħħaq aktar minn mija u wieħed u sittin miljun ewro.
Minħabba li dan is-self huwa bla mgħax dan ifisser li dawn in-negozji frankaw mas-sitt miljun ewro f’imgħaxijiet. Anke hawn l-aktar negozji li gawdew kienu ħwienet, ristoranti u lukandi.