Ilbieraħ reġa kellna konferma għal darb’oħra kemm il-Partit Nazzjonalista għandu prijorita’ waħda – li jagħmel il-ħsara lill-Malta barra minn xtutna.
Wara li l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa qal pubblikament li se jagħmel gwerra qaddisa kontra Malta, u ftaħar li kiteb lill-Unjoni Ewropea biex il-Maltin u l-Għawdxin jiġu mċaħħda mill-fondi Ewropej u l-investiment li jsir bihom, ilbieraħ kien imiss kandidat ieħor li jagħmel l-istess.
Dan qaluh il-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-Partit Laburista, Daniel Attard u Jesmond Marshall waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn saħqu kif il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista, Peter Agius, ilbieraħ stess għamel appell imqanqal biex il-Kummissjoni Ewropea ma tagħtix każ dak li jgħid il-Gvern meta tagħmel l-analiżi tagħha dwar pajjiżna. Dan sempliċiment għaliex hemm il-Partit Laburista fil-Gvern u appella wkoll lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, li ġejja mill-istess partit tiegħu, biex tinjora dak li jgħid il-Gvern u tisma’ biss dak li jgħidu esponenti tas-soċjeta’ ċivili qrib tagħhom.
Il-kandidat Laburista Daniel Attard sostna kif il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista “ma felħux jaraw rapporti pożittivi ġejjin mill-Kummissjoni Ewropea li jfaħħru r-riformi li pajjiżna għamel f’oqsma importanti. Riformi li saru wara konsultazzjonijiet ma istituzzjonijiet, ma’ organi tal-kunsill tal-ewropa u maqbula b’mod b’saħħtu mill-Parlament ta’ Malta. Ma felħux jaraw l-impenn tal-Gvern biex ikompli jġedded u jirriforma. Dan ikompli jgħaqqad ma’ każijiet oħra, inkluż ma’ ittri li fl-aħħar jiem stess kiteb David Casa lill-Bank Ċentrali Ewropew biex ikompli jagħmel ħsara lil pajjiżna. Għaliex għalihom hi biss kompetizzjoni bejniethom dwar min se jagħmel l-aktar ħsara lil pajjiżna.”
Il-kandidat Laburista Jesmond Marshall qal li “l-prijoritajiet tal-Partit Laburista dejjem kienu mmirati li jtejjbu l-ħajjiet tal-Għawdxin u l-Maltin. Li naħdmu favur Maltin huwa naturali u allura anke jekk inkunu waħedna, dak li nemmnu fih ser nibqgħu naħdmu favurih. U bil-fatti.”