F’Lulju l-qgħad kompla jonqos u n-numru ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol kien ftit ’il fuq minn 1,500 (1,542).
Statistika ppubblikata mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO, uriet li meta mqabbel ma’ Lulju tas-sena l-oħra, il-qgħad niżel bi kważi 2,500 (2,439).
Dan hekk kif f’Lulju tas-sena l-oħra l-qgħad kien ilaħħaq kważi l-4,000 persuna.
Il-qgħad ukoll naqas meta x-xahar li għadda tqabbel ma’ ta’ qablu.
Fil-fatt f’Ġunju n-numru ta’ persuni qiegħda kien ta’ 1,711 biex b’hekk il-qgħad naqas b’169 ruħ fuq medda ta’ xahar.
Notevoli wkoll huwa t-tnaqqis tal-qgħad fost numru ta’ kategoriji tal-età, mhux biss żagħżugħa.
Fil-kategorija tal-età ta’ bejn it-30 u l-44 sena, fejn l-aktar hemm nies li jibdew familja, in-numru ta’ persuni qiegħda f’Lulju li għadda niżel bit-tripplu.
Minn 1,335 ruħ f’Lulju tas-sena l-oħra għal 456 ruħ ix-xahar li għadda.
Fil-kategorija tal-età ta’ dawk li jgħoddu 45 sena jew aktar il-qgħad naqas b’aktar min-nofs, minn 1,530 f’Lulju tas-sena l-oħra għal 733 fis-seba’ xahar ta’ din is-sena.
Fil-kategoriji ta’ età żagħżugħa, jiġifieri ta’ dawk li jgħoddu taħt l-20 sena jew dawk li jgħoddu bejn l-20 u 24 sena, in-numru ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol naqas bin-nofs jew bit-tripplu rispettivament.
In-nies jirreġistraw għax-xogħol għall-inqas minn 21 ġimgħa wkoll naqas.
Intant b’rabta ma’ dawn iċ-ċifri sbieħ għas-settur tax-xogħol ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela qal li llum kien ikkonfermat li Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.
Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, il-Prim Ministru qal li dan kollu jrid jittieħed f’kuntest li pajjiżna kellu it-theddida ta’ 50,000 persuna mingħajr xogħol kawża tal-pandemija.
Qal li mill-bidu tal-pandemija l-Gvern ingħaqad mal-imsieħba soċjali, negozji u ħaddiema u ħa l-miżuri li kien hemm bżonn biex illum qed nerġgħu nitkellmu dwar l-isfida li neħtieġu iżjed ħaddiema.
Saħaq li hemm sfidi oħra li l-Gvern immexxi minnu għandu r-rieda u l-kredibbiltà li jindirizzahom.