Il-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi fid-deċiżjoni tiegħu li ġiet ippublikata nhar il-Ġimgħa filgħodu kkonferma li WasteServ imxiet bl-akbar diliġenza u trasparenza meta il-kuntratt tal-facilità tal-waste-to-energy ingħata lill-Konsorzju Paprec.
Qal, “Illum il-WasteServ irċeviet ċertifikat importanti ħafna, l-appell li ġie mpoġġi minn Hitachi– Terna ġie miċħud, miċħud fit-totalità tiegħu u ngħatajna ċertifikat ta’ governanza li l-WasteServ mexxiet proċess tax-xiri tal-impjant bl-aħjar mod possibli.’’
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca sostna li dan huwa verdett li juri li WasteServ wettqet proċess eċċezzjonali fejn il-mira prinċipali tagħha b’dan il-proġett kienet li twassal infrastruttura li se tkun qed tmexxi lill-pajjiż f’direzzjoni lil hinn mill-miżbliet.
Il-Bord tar-Reviżjoni spjega li matul il-proċess tal-akkwist, WasteServ segwiet l-aħjar prattiċi u ngaġġat esperti fis-settur tal-inġinerija filwaqt li qabbdet ditta ta’ konsulenza bbażata fir-Renju Unit biex tivverifika l-proċedura kollha tal-akkwist mill-ewwel stadju, sal-evalwazzjoni tal-offerti sottomessi. Huwa ikkalkulat li minħabba dan l-appell, intilfu 122 ġurnata, fejn iddaħħlu 95,500 tunnellata ta’ skart li spiċċja fil-miżbla.
Qal, “Inħarsu l’ quddiem biex kemm jista’ jkun malajr nibdew nersqu lejn performance ambjentali aħjar biex il-pajjiż ikun jista’ jieħu l-benefiċċji li pajjiżi Ewropej oħrajn ilhom jieħdu għal diversi snin u illum b’din id-deċiżjoni dan l-ostaklu tal-appell ġie mirbuħ, għandna ċertifikat ta’ governanza tajba, ċertifikat ta’ trasparenza u issa nistgħu nimxu l’quddiem.