AĠĠORNAMENT NRU 3: Minn fuq il-post fl-Imsida, ONE News jista’ josserva li l-preżenza qawwija tal-pulizija li kien hemm fl-aħħar ħinijiet issa m’għadhiex preżenti.
Il-pulizija qed tiċċekja wkoll daħlux xi nies feruti f’xi kliniċi jew fi sptarijiet iżda sa issa l-ebda tarf għall-aggressur jew vittma.
Nifhmu li l-investigazzjonijiet tal-pulizija se jibqgħu għaddejjin.
AĠĠORNAMENT NRU 2: ONE News jista’ jkompli jiżvela iktar dettalji mill-Imsida b’rabta ma’ każ li sa issa għadu misterjuż minħabba li ma nstab l-ebda aggressur jew vittma.
ONE News jinsab f’pożizzjoni li jgħid li l-pulizija sabu ma’ wiċċhom għadira demm kbira u nistgħu nikkonfermaw ukoll li seħħet sparatura fl-Imsida tant li l-pulizija sabu balla.
AĠĠORNAMENT NRU 1: ONE News jinsab fuq il-post fejn hemm preżenza qawwija ta’ pulizija u l-istess pulizija għalqu tliet toroq differenti.
Fuq il-post, fi Triq Dijonisju Famuċelli, hawn numru t’ambulanzi u timijiet mediċi li qed iħejju biex jieħdu f’idejhom persuna jew numru ta’ persuni feruti.
ONE News seta’ jara wkoll membri tal-SIU wkoll jiżgassaw garaxx fejn anki qed iwettqu xi tfittxijiet.
Kollox jipponta li seħħet sparatura iżda l-pulizija għadha qed trid tistabilixxi d-dinamika tal-każ.
Aktar qabel – ONE News għandu informazzjoni li f’komun ta’ blokka t’appartamenti bejn l-Imsida u s-Swatar instab demm iċarċar mal-art fejn kollox jindika li qam argument bejn nies li għadhom mhux magħrufa.
Kelliem għall-Korp tal-Pulizija kkonferma dan ma’ one.com.mt u qal li l-pulizija sabet id-demm iżda sa issa għadha ma sabitx nies feruti u għalhekk l-investigazzjonijiet qed jintensifikaw biex jiġi stabbilit x’ġara.
Minn informazzjoni li għandu ONE News, il-pulizija ġiet imsejħa ftit wara s-sebgħa u nofs tal-lejla wara li nstema’ għajjat ġej minn blokka t’appartamenti.
Mhux eskluż li kien hemm xi sparatura.
Aktar dettalji fil-ħin li ġej.