Il-Qorti kkonfermat il-verdett li tat lil Melchior Spiteri ta’ 43 sena kważi sentejn ilu, meta ma sabitux ħati ta’ qtil li seħħ 25 sena ilu. Dan wara li l-Qorti tal-Appell Kriminali ma laqgħetx l-appell tal-Avukat Ġenerali, li oġġezzjona għal irregolarità li jista’ jkun affettwat il-verdett.
Jidher li mta l-imħallef kien qed itemm l-indirizz tiegħu, id-difiża talbet biex il-marixxal ikellem ll-imħallef, u din it-talba intlaqgħet dakinhar. L-Avukat Ġenerali ħass li dak il-ħin kien kruċjali qabel il-bidu tad-deliberazzjoni mill-ġurati.
Fil-preżenza tal-prosekuturi, l-avukat difensur Franco Debono informa lill-Imħallef li l-Prim Ġurat jista’ jkun kienet taf lill-akkużat, u li ftit qabel beda l-ġuri, ikkummentat fuq il-midja soċjali li ma kinitx qed taqbel mad-deċiżjoni tal-Qorti fuq każ differenti.
It-tliet Imħallfin li kienu qed jippresjedu l-każ tal-appell tal-Avukat Ġenerali, li kienu il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, l-Imħallef Joseph Zammit McKeon u l-Imħallef Edwina Grima, qalu li ma kienx hemm provi biex juru li xi ħadd influwenza l-verdett finali, għax ebda ġurat ma jista’ jikkomunika ma’ xi ħadd, ħlief mal-Qorti, mal-ġurati l-oħra, u mal-uffiċjal li taħtar il-Qorti biex jikkomunika mal-ġurati.
Melchior Spiteri ma kienx instab ħati ta’ 7 kapi ta’ akkuża fosthom li qatel lin-negozjant Vittorio Cassone f’ħanut f’San Ġiljan 25 sena ilu, meta l-vittma kellu 58 sena.
Il-każ jeħodna lura għal Jannar tal-1993 meta żagħżugħ b’wiċċu mgħammaf daħal fil-ħanut biex jisraq u spara fuq in-negozjant li dak il-ħin kien fil-ħanut. Dan miet fuq il-post.
Spiteri kien arrestat mill-Pulizija u kien mixli bil-qtil ta’ Cassone. Dan għadda ġuri, fejn b’mod unanimu, id-disa’ ġurati ma sabuhx ħati ta’ dan id-delitt.