Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li r-reazzjoni li ħareġ biha l-Partit Nazzjonalista għall-ittra tal-Prim Ministru lill-Prim Imħallef dwar il-fatalità li seħħet f’Kordin f’Diċembru li għadda hija għal darb’oħra konferma li l-Partit Nazzjonalista ma jinteressahx mill-vera ġustizzja u jinteressah biss mill-kapital politiku partiġġjan.
Il-Partit Laburista qal li l-Partit Nazzjonalista jaf sew is-saħħa li għandha inkjesta maġisterjali u kemm inkjesti maġisterjali għandhom riżorsi biex iwettqu x-xogħol tagħhom, inkluż bl-assistenza ta’ awtoritajiet oħra.
Madanakollu, sal-lum il-Partit Nazzjonalista għadu qed jirrifjuta li jingħaqad fl-appell li għamel il-Prim Ministru, li għandu l-għan li kull min hu responsabbli jaffaċċja l-ġustizzja mill-iktar fis. Dan għax iktar ma ddum ma ssir ġustizzja, iktar idum jagħmel kapital politiku partiġġjan.
Il-Partit Laburista reġa’ appella għal ġustizzja,u ġustizzja fil-ħin.