L-aħħar analiżi li għamel il-Fond Monetarju Internazzjonali dwar l-ekonomija ta’ pajjiżna fl-isfond tal-pandemija li laqtet lid-dinja fl-aħħar xhur, tikkonferma li l-miżuri ta’ appoġġ ekonomiku li ħa l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela biex jilqa’ għal din il-kriżi medika, se jħallu l-frott mixtieq ladarba s-sitwazzjoni terġa’ lura għan-normal.
Il-Partit Laburista jinnota b’sodisfazzjon li l-esperti indipendenti tal-IMF ikkonfermaw li Malta se tirpilja bil-qawwi mill-effetti ta’ din il-pandemija u li bil-miżuri li ttieħdu mill-Gvern biex isalva eluf ta’ intrapriżi u impjiegi ta’ Maltin u Għawdxin, pajjiżna se jsofri l-inqas fl-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt ir-rapport tal-IMF juri li l-miżuri li ħa l-Gvern fosthom paga soċjali ta’ €800 fix-xahar għal eluf ta’ ħaddiema u self-employed, se jwasslu biex matul is-sena d-dieħla, il-ġid nazzjonali jikber b’rata ta’ 7%.
Fuq kollox dan it-tbassir mill-esperti tal-IMF ixejjen l-analiżi negattiva li għamlet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fl-aħħar jiem tal-ekonomija ta’ pajjiżna u l-kritika tagħha lejn il-miżuri li introduċa dan il-Gvern biex jilqa’ għall-impatt enormi li ġabet magħha l-pandemija tal-Coronavirus.
Il-Partit Laburista jinsab fiduċjuż li ladarba d-dinja toħroġ minn dan is-saram, pajjiżna se jkun minn ta’ quddiem biex l-ekonomija Maltija, sostnuta b’pakkett ta’ stimolu ekonomiku fost l-aqwa madwar id-dinja, terġa’ taqbad ir-rankatura permezz ta’ aktar investiment lejn pajjiżna, ħolqien tax-xogħol u fuq kollox titjieb fil-livell tal-għajxien tal-familji Maltin u Għawdxin.