B’referenza għall-artiklu li deher illum fuq il-faċċata tat-Times of Malta, il-Gvern jippreċiża li l-kuntratti bejn il-Gvern u Vitals Global Healthcare, ippubblikati mill-Ministeru għas-Saħħa fil-jiem li għaddew, jikkonfermaw li waqt li l-ħaddiema tal-isptarijiet ta’ Għawdex, St Luke’s u Karen Grech se jibqgħu ħaddiema tal-Gvern, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom ma jistgħux jinbidlu jekk mhux bil-kunsens tagħhom u wara qbil mal-union li tirrappreżentahom.
F’każ li ma jkunx hemm la qbil u lanqas kunsens, l-ebda kundizzjoni tax-xogħol ma tinbidel. Dan joħroġ ċar ħafna mill-kuntratti ffirmati.
Il-Ministeru għas-Saħħa fakkar ukoll fil-qbil iffirmat bejn il-Gvern u l-MUMN, kif ukoll bejn il-Gvern u l-GWU, li jkomplu jagħtu protezzjoni lill-ħaddiema.
L-investiment massiv li diġà beda jsir permezz ta’ dan il-PPP, se jagħti lill-ħaddiema ta’ dawn l-isptarijiet, l-għodda u l-infrastruttura sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-aħjar servizz possibbli lill-pazjenti Maltin u Għawdxin.