Ġie kkonfermat li l-fdalijiet umani li instabu kważi xahar ilu moħbija fid-daħla fis-sur tal-Belt huma ta’ Charlene Farrugia, it-tfajla ta’ 25 sena li kienet irrapportata nieqsa 11-il sena ilu.
Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija ikkonfermaw dan ma’ One News, biex b’hekk it-testijiet tad-DNA ikkonfermaw dak li qal John Paul Woods lill-pulizija, li qatel lil Farrugia.
John Paul Woods mill-Ingilterra, kien ġie arrestat waqt attentat ta’ hold-up armat b’sikkina, f’ħanut fil-Gżira.
Meta kien qiegħed jinżamm arrestat Woods tkellem dwar l-għibien ta’ Charlene Farrugia u allegatament qal li kien qatilha hu u indika fejn kien hemm il-fdalijiet tagħha.
Woods bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ ħabs fuq serq iżda mistenni jiġi mixli bil-qtil makabru ta’ Charlene Farrugia.
Minkejja din l-iżvolta importanti fil-każ, il-pulizija fadlilha aktar investigazzjonijiet kruċjali xi twettaq qabel tkun tista tixli lil Woods bil-qtil ta’ Charlene Farrugia.