L-istorja aġġornata tas-sit elettroniku tal-Knisja Newsbook, tikkonferma dak li ntqal mill-Gvern fi stqarrija aktar qabel meta ħarġet l-istorja oriġinali, jiġifieri li qatt ma tħalla ebda reġistru tar-rigali mill-Prim Ministru preċedenti fl-2013. Fi stqarrija, il-Gvern innota li d-dokument li ppubblikat filgħaxija Newsbook huwa inventarju li jinsab wara kull bieb ta’ kull kamra ta’ kull Dipartiment tal-Gvern, u kif proprju qal il-Gvern fi stqarrija oħra aktar qabel, jiġbor biss rigali mogħtija direttament lill-istat minn dinjitarji u mhux rigali oħra li jkunu ngħataw lill-Prim Ministri.
L-istqarrija rrimarkat li l-istorja oriġinali ta’ Newsbook ppruvat tagħti x’tifhem li Prim Ministru preċedenti kien ħalla warajh reġistru li jiddikjara x’rigali kien irċieva hu tul il-leġislatura. Dan fil-fatt qatt ma sar.
Bil-pubblikazzjoni tad-dokument mill-ġurnal hemm il-konferma li tali reġistru qatt m’eżista, u hemm biss inventarju ta’ rigali statali li ilu jintiret u jiġi aġġornat għal snin twal, u li għadu hemm sal-lum, temmet tgħid l-istqarrija.