Kien hemm konferma li Simon Busuttil ingħata l-ħatra l-ġdida tiegħu fl-Università ta’ Malta b’għażla diretta u mingħajr ebda sejħa.
Fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Byron Camilleri, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, ikkonferma meta qal “Ninsab infurmat li l-individwu msemmi mill-Onor. Interpellant ġie kkuntattjat direttament mill-Fakultà tal-Liġi u ġie assenjat dmirijiet bħala Lettur Każwali mad-Dipartiment għal-Liġi Ewropea u Komparattiva għas-sena akkademika.”
Kien fl-aħħar ġimgħat li sar magħruf li l-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, daħħal saqajh fl-Università ta’ Malta bħala lettur. Għalkemm sa issa beda t-tagħlim fi credit wieħed bin-nies fil-fakultà tal-liġi jgħidu li l-għan ta’ Simon Busuttil hu li jżid mas-sigħat li ngħata sa issa, u saħansitra qed jipponta lejn karigi importanti f’dipartimenti li għandhom x’jaqsmu mal-liġi Ewropea.
Simon Busuttil qed jgħallem il-liġi tas-suq intern tal-Unjoni Ewropea lil studenti li jridu jsiru avukati.
L-Università għandha diversi fakultajiet, ċentri u istituti u Simon Busuttil kien qed jgħarrex biex jara kif se jidħol fi tnejn minnhom. Minbarra l-fakultà tal-liġi, Simon Busuttil huwa interessat ukoll fl-Istitut għall-Istudji Ewropej fejn diġà kien eżaminatur.
Anke jekk f’dan il-każ ma jkun sar xejn illegali, kien hemm min qal li kien sorpriż li Simon Busuttil ħa l-kariġa wara li tant jitkellem fuq governanza tajba u għamel attakk fuq għexieren ta’ persuni kkwalifikati għax forsi ngħataw ħatriet jew rwoli importanti mingħajr sejħa.
Iktar minn hekk jidher li l-post tiegħu fil-fakultà kien determinat mingħajr ma kienu kkonsultati uffiċċji oħra importanti fl-istess istituzzjoni edukattiva. Simon Busuttil qed ifittex skopijiet ġodda f’ħajtu wara li wassal lill-Partit Nazzjonalista għall-ikbar telfa elettorali fl-istorja.
Saħansitra kien injora diversi talbiet mill-Partit Nazzjonalista biex iwarrab minn membru parlamentari bil-għan li jagħti spazju lill-kap il-ġdid. Fl-aħħar xhur saru wkoll diskussjonijiet dwar jekk għandux ikun kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew bil-għan li jsib ruħu bħala MEP.
Fil-fatt, il-mod kif iġib ruħu fil-Parlament u l-persistenza tiegħu fl-attakki kontinwi fuq il-Gvern u esponenti tiegħu huma indikjazzjoni ċara oħra li Busuttil huwa mħajjar jikkontesta din l-elezzjoni, li se tkun qed issir f’Mejju tas-sena d-dieħla.