Id-diskors ta’ Adrian Delia llejla fuq il-Fosos tal-Floriana ma kien xejn għajr konferma li Adrian Delia ħela l-ewwel sena tiegħu bħala Kap tal-PN.
Dan għax kuntrarju ta’ dak li wiegħed is-sena li għaddiet fl-istess post m’offra xejn ġdid.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista innota kif illejla, Delia rrepeta l-istess diskors li issa ilu għaddej bih xhur u ħafna minnu, bħal l-attakk aħrax fuq l-Avukat Ġenerali, huwa ripetizzjoni ta’ dak li kien jgħid il-Kap ta’ qablu li tant qal li se jgħamel differenti minnu.
Delia reġa’ kien negattiv fuq kollox. Saħansitra wasal biex qal li s-seba mitt miljun ewro li se jkunu investiti fl-infrastrutura se jintefqu għal xejn.
Tant kien biss negattiv li lanqas biss lissen kelma waħda dwar il-ftehim bejn iż-żewġ partiti dwar min għandu jkun il-Kummissarju Parlamentari għall-Istandards.
Il-Partit Laburista ssokta jgħid li l-ikbar konferma li Delia mhu jħaddan ebda mod ġdid huwa l-fatt li għal darb oħra wera li m’għandu ebda viżjoni għall-pajjiż. Mhu kapaċi jgħamel ebda proposta serja. Saħansitra attakka lill-gazzetti li fl-analiżi tagħhom staqsew x’se jgħamel hu u qalilhom li biex jgħid x’se jgħamel hu jrid jitlaq il-gvern.