Għall-Eurovision Song Contest li ġej se jkun hemm udjenza preżenti fis-sala fejn se jkun qed jittella’ dan l-avveniment ferm segwit.
L-organizzaturi tal-Eurovision ikkonfermaw li mat-3,500 ruħ se jkunu jistgħu jidħlu fis-sala u jsegwu l-Eurovision f’Ahoy Arena, f’Rotterdam, l-Olanda.
Dan wara li l-Gvern tal-pajjiż ta l-permess biex isir dan skont miżuri stretti mill-awtoritajiet konċernati tas-saħħa tal-Olanda.
Nifhmu li dawn il-persuni, li se jkunu fis-sala se jżommu d-distanza soċjali f’sala enormi.
Intqal kif l-affarijiet jistgħu jinbidlu f’ħakka t’għajn u allura l-udjenza fis-sala ma jkunx xenarju possibbli.
Is-sena l-oħra l-Eurovision tħassar minħabba l-imxija u minflok ittellgħet serata televiżiva biex tfakkar dan l-avveniment b’aktar minn sittin sena ta’ storja.
Malta se tkun rappreżentata minn Destiny permezz tal-kanzunetta ‘Je Me Casse’.
Pajjiżna għadu l-aktar favorit li din is-sena jirbaħ il-Eurovision Song Contest.
L-Iżvizzera tinsab wara Malta skont id-djar tal-imħatri.
L-ambaxxatriċi Maltija se tkun qed tagħlaq l-ewwel serata tal-Eurovision.
Hija trid tiġi mal-ewwel għaxar postijiet tas-semifinali biex imbagħad tikkompetti u tkun fiċ-ċans li tgħolli t-trofew tal-Eurovision fil-finali tas-Sibt 22 ta’ Mejju.