L-aġenzija ta’ kontra l-frodi tal-Unjoni Ewropea, l-OLAF, bdiet investigazzjoni preliminari fil-konfront tal-membru parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista David Casa wara rapporti fil-midja.
Dan kien ikkonfermat f’żewġ gazzetti tal-Ħadd, bil-maltatoday li żvelat l-istorja għall-ewwel darba tgħid li fost l-affarijiet li se tħares lejhom l-aġenzija Ewropea hemm l-istejjer li ppubblikat hi.
It-TORĊA ikkwotat lill-OLAF jgħidu li esperti tagħhom qegħdin jevalwaw l-allegazzjonijiet li nġiebu għall-attenzjoni tagħhom.
Kien whistleblower li għal snin twal ħadem fl-uffiċċju ta’ David Casa li beda jitfa’ dawl dwar l-operat tal-MEP Nazzjonalista.
L-ewwel li tkellem kien dwar allegat użu eċċessiv ta’ droga minn David Casa b’mod li dan kien jaffettwa wkoll il-ħidma tiegħu.
Imbagħad ta dettalji dwar kif Casa kien iżid bil-kbir is-salarju tiegħu biex imbagħad parti minnha ma joħodhiex il-ħaddiem, iżda tmur għal użu ieħor. Saħansitra fuq il-karta l-ħaddiema tiegħu kienu jitħallsu iktar minnu.
Jirriżulta li dak li kellu xi jgħid il-whistleblower qalu wkoll lill-OLAF f’dokumentazzjoni ddettaljata.
Casa ċaħad l-akkużi fil-konfront tiegħu, iżda l-eks impjegat ta’ Casa għamel ukoll affidavit maħluf dwar kif kien jopera l-MEP li jħobb jitkellem ħafna fuq trasparenza u d-dritt tal-whistleblowers fost oħrajn.
Għalkemm wara li ħarġet l-istorja ħareġ jattakka kemm il-midja u kemm lill-istess whistleblower.
Fost iċ-ċaħdiet li kien hemm dwar l-istorja tal-flus kien hemm dawk tal-aġenzija tal-pagamenti li tieħu ħsieb il-finanzi tal-uffiċċju ta’ Casa.
Iżda, il-whistleblower ikkonferma li dik l-aġenzija mhix l-istess waħda li kienet tieħu ħsieb il-finanzjament fi żmien li qiegħed jitkellem dwaru hu.
Il-whistleblower ta wkoll rendikont tad-Dipartiment tat-Taxxa u anke dettalji tad-depożiti li saru fil-kont tiegħu tal-Bank HSBC.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qagħad fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Casa u ma ttieħdu ebda passi fil-konfront itegħu. Lanqas inbdiet xi investigazzjoni interna.