Konferenza, li ttellgħet l-Erbgħa fil-Palazz Verdala mid-Direttorat Ġenerali tas-Saħħa, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, ġabret għadd ta’ rakkonti u esperjenzi ta’ persuni li diġà għaddew minn kura tal-kanċer f’pajjiżna.
Dan bħala ispirazzjoni u kuraġġ għal dawk li, sfortunatament, għaddejjin bħalissa minn vjaġġ simili f’ħajjithom.
Fl-indirizz tagħha, il-President Spiteri Debono qalet li lkoll għandna dover lejna nfusna u lejn il-familja tal-pazjent biex dawk kollha involuti jaħdmu bl-aqwa mod għall-aħjar prevenzjoni, waqt li meta jfeġġ xi kanċer, jinħolqu diversi mistoqsijiet u, għalhekk, ikun hemm bżonn kemm appoġġ mill-għaqdiet relatati u dak finanzjarju mill-Malta Community Chest Fund u l-Gvern.
Fil-konferenza intervjenew diversi persuni li għaddew mill-esperjenza tal-marda, flimkien ma’ professjonisti li jaħdmu fis-settur tal-onkoloġija.
Dr Danika Marmarà, Direttur ta’ Cancer Care Pathways, spjegat kif il-Gvern qed iwettaq diversi proġetti fil-kura tal-kanċer, inkluż bil-ħolqien ta’ nurse-navigator bħala punt ta’ riferiment, fast-track team biex ikun mgħaġġel il-proċess u kura anke wara t-trattament.
Qalet li issa hemm il-ħsieb li, fix-xhur li ġejjin, jagħmlu pass akbar biex jassistu anke lill-pazjent u lill-familja tiegħu fid-dar stess.
“Meta nsemmu l-kelma kanċer, hemm ħafna biżgħat mill-mewt u minn dak li jista’ jiġri meta jkollok djanjożi, li forsi tbati l-familja u forsi ma tarax lit-tfal jikbru, imma ridna niddiskutu mhux is-sofferenzi biss ta’ min jesperjenza l-kanċer, ridna nagħtu t-tama lin-nies u nibnu din id-diskussjoni biex inkunu nistgħu verament inqawwu lilna nfusna, naħdmu flimkien, ningħaqdu, biex inkunu nistgħu nwasslu t-tama lin-nies.”
Dr Danika Marmarà – Direttur Cancer Pathways
Tkellimna ma’ Mariah Catanzaro u Martina Fenech, li qassmu l-esperjenza personali tagħhom u spjegaw l-isfidi li ltaqgħu magħhom.
Fenech qalet kif, minbarra li għaddiet mill-kanċer personalment u anke tilfet nies qrib tagħha, illum qed taħdem fis-settur soċjali biex jitjieb is-servizz lill-pazjenti.
“Aħna mdorrijin niffokaw fuq l-aspett mediku, imma kultant l-aspett soċjali, l-aspett finanzjarju li jgħaddu minnu dawn il-familji, ninsewhom. Dik hi l-ħidma tiegħi biex it-tbatijiet li għaddejt jiena u l-familja tiegħi jista’ jkun familji preżenti jew futuri, ma jgħaddux minnhom.”
Martina Fenech – Cancer Survivor
Min-naħa tagħha, Catanzaro qaltilna kif fl-età ta’ erbgħa snin qabditha l-marda u kellha titla’ anke l-Ingilterra għal seba’ xhur għal kura aktar speċjalizzata.
Minkejja dak li għaddiet minnu, enfasizzat dwar l-appoġġ li jeħtieġ jingħata lil qraba tal-vittmi, li wkoll ibatu l-konsegwenza tal-marda.
“Illum fuq dan il-panel iddiskutejt ħafna l-importanza li għandna nagħtu aktar attenzjoni lill-healthy siblings, inħobb ngħidilhom jiena, għax ħafna drabi, għal raġunijiet ovvji, jintefgħu naqra fil-ġenb u ħafna drabi ninsewhom.”
Mariah Catanzaro – Cancer Survivor