“Fl-aħħar snin rajna evoluzzjoni f’dak li tagħmel Sport Malta.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni li għadda l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima waqt li kien qed jindirizza l-konferenza mtella’ minn SportMalta li ċċelebrat l-għaxar anniversarju mit-twaqqif tagħha bl-isem ta’ ‘Celebrating Sport in Malta 2024’.
Dan hekk kif din is-sena, SportMalta timmarka l-għaxar sena tagħha minn meta kienet biddlet il-Kunsill Malti għall-Isport.
Fil-fatt, il-Ministru elenka numru ta’ suċċessi minn proġetti infrastrutturali li raw numru sabiħ ta’ faċilitajiet sportivi tal-ogħla kwalità għal dixxiplini sportivi differenti sal-Istrateġija Nazzjonali għall-Isport.
Huwa rrefera wkoll għas-suċċess li s-sena li għaddiet ġabu magħhom il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li ddeskrivihom bħala punt importanti minn fejn is-settur sportiv ta’ pajjiżna kompla jikber u jissaħħaħ.
Il-Ministru Grima temm jawgura wkoll aktar suċċess lill-atleti Maltin u Għawdxin fid-dixxiplini rispettivi tagħhom.
Fid-diskors tiegħu l-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar fakkar kif fl-aħħar għaxar snin hu kien imdawwar b’timijiet ta’ professjonisti li lkoll ikkontribwew għal dak kollu li kisbet l-entità f’dan iż-żmien.
Matul din il-konferenza tkellmu numru ta’ kelliema b’uħud internazzjonali fuq suġġetti differenti nkluż is-saħħa mentali u l-isport.