Dalgħodu fil-Parlament ittellgħet seduta taż-żgħażagħ fl-okkażjoni tat-30 anniversarju mit-twaqqif tal-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex.
L-għan ewlieni tagħha kien li ż-żgħażagħ ikollhom l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet u l-ħsibijiet individwali tagħhom fuq żewġ temi prinċipali – jiġifieri ‘L-importanza ta’ preżenza żagħżugħa fil-kunsilli lokali’ u ‘Kif tara l-futur tal-Gvern Lokali’.
Iż-żgħażagħ li pparteċipaw f’din il-konferenza kellhom bejn is-16 u l-25 sena u ġew innominati mill-kunsilli lokali nfushom.
Fl-interventi tagħhom, iż-żgħażagħ tkellmu dwar il-benefiċċji tal-kunsilli lokali u anke ipproponew biex dawn jisimgħu l-ideat tagħhom. Spjegaw li l-kunsilli huma strumentali biex jisimgħu lill-poplu, allura hu importanti li ż-żgħażagħ jikkontribwixxu għal dan il-għan.
F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru responsabbli Owen Bonnici qal li l-kunsilli lokali saru l-pedament tal-impenn u l-governanza tal-komunità u jassiguraw li l-poplu jkollu vuċi u sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
Intervjenew ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti.