Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, l-NCPE, organizzat konferenza biex tiddiskuti r-riżultati tar-riċerka tagħha bl-isem “Il-Perċezzjonijiet u l-Attitudnijiet tan-Nisa u l-Irġiel f’Malta dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, iffokata l-aktar fuq id-daqs tal-familja”.
Dan l-istudju hu partikolarment relevanti fil-kuntest li Malta għandha l-inqas rata ta’ fertilità fl-Unjoni Ewropea.
L-għanijiet tal-konferenza kienu li jiġu diskussi kif in-nisa u l-irġiel jistgħu jilħqu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja fil-familja, speċjalment fil-kura u r-responsabbiltajiet tal-familja.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, tkellmet dwar l-isforzi attwali tal-Gvern biex isostni lill-familji permezz ta’ diversi inizjattivi.
“Bħala Gvern Laburista dejjem ħadna miżuri favur il-familji Maltin u Għawdxin. Insemmi biss numru ta’ miżuri li daħlu fis-seħħ fil-Baġit ta’ din is-sena fejn żdied iċ-Children’s Allowance u żiedna wkoll il-bonus għal wild addizzjonali u se nkomplu nagħmlu dan biex nassiguraw li jkollna familji Maltin u Għawdxin kuntenti bi kwalità ta’ ħajja aħjar.”
Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg
Il-Kummissarju tal-NCPE, Reneè Laiviera, saħqet dwar il-ħtieġa li tkompli tissaħħaħ l-indipendenza ekonomika tal-familji, filwaqt li tħeġġeġ ukoll aktar irġiel biex jaqsmu r-responsabbiltajiet tal-familja.
“Aħna nafu li n-numru ta’ nisa minn mindu daħal il-free childcare, is-suq tax-xogħol żdied ħafna u allura jrid ikun hemm dak il-bilanċ biex inkunu nistgħu nlaħħqu max-xogħol tad-dar u max-xogħol tax-xogħol. U din ir-responsabbiltà għandha tkun għan-nisa u għall-irġiel.”
Renee Laviera, Kummissarju tal-NCPE
Ir-riċerka, li saret flimkien mal-Professur Liberato Camilleri, turi kif minkejja r-rati għolja ta’ mpjieg taż-żewġ ġeneri, għad hemm differenzi sinifikanti dwar kif l-iżbilanċ bejn ix-xogħol u l-familja jaffettwaw lin-nisa u lill-irġiel.
Il-Professur Godfrey Baldacchino mid-Dipartiment tas-Soċjoloġija fl-Università ta’ Malta identifika erba’ fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għar-rata baxxa ta’ fertilità f’Malta: il-kwalità ta’ ħajja mixtieqa, il-livell ta’ konsum meqjus bħala sodisfaċenti, id-dominanza tax-xogħol bħala attribut kulturali u l-kisba u ż-żamma ta’ karriera.