SportMalta, li għaddiet minn sensiela ta’ tiġdid biex illum qed tikseb numru ta’ suċċessi u kisbiet, bħal għadd ta’ proġetti varji u stabbiltà fl-aġenda nazzjonali tal-isport, iċċelebrat l-għaxar anniversarju tagħha permezz ta’ konferenza l-Ġimgħa filgħodu.
Ġie nnotat kif, fl-aħħar għaxar snin, SportMalta laqgħet ’il fuq minn 700 delegat għal żewġ konferenzi ewlenin u bosta konferenzi oħrajn.
Is-sapport kontinwu lejn diversi għaqdiet u kumitati ma naqasx f’dan l-aħħar diċenju, biex ilkoll f’daqqa wasslu ħalli Malta tingħata prominenza fuq il-mappa dinjija tal-isport.
F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru għall-Edukazzjoni, I-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, faħħar lil din l-entità sportiva fejn ukoll għaraf kif l-attività fiżika qed tingħata importanza qawwija.
F’kumment ma’ ONE News, il-Ministru tenna x-xogħol tajjeb ta’ SportMalta u li, grazzi għaliha, flimkien ma’ kunsilli lokali u entitajiet oħrajn, se tkun qed tissaħħaħ l-aġenda nazzjonali tal-isport.
“SportMalta kellha u għad għandha rwol importanti ħafna f’dak li hi attività fiżika f’pajjiżna u anke f’dik li hi infrastruttura sportiva f’pajjiżna. Però lil hinn mis-suċċessi passati nkomplu naraw li jkun hemm aktar ħidma, aktar sinerġija, ma’ diversi entitajiet oħrajn governattivi u mhux governattivi, inkomplu naraw u nassiguraw li l-isport tkun parti integrali f’dik li hi l-aġenda nazzjonali.”
Il-Ministru Clifton Grima