Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Marzu ġewwa l-Malta Life Sciences Park mit-8:30 ta’ filgħodu ‘l quddiem se tkun qed issir konferenza sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-Innovazzjoni Soċjali kif ukoll biex ittejjeb l-appoġġ inkluz dak finanzjarju, disponibbli għall-Impriżi Soċjali f’Malta u l-Ewropa.
Għal din il-konferenza se jkun hemm preżenti Carolina Gario, li huwa l-Policy Officer fil-Kummissjoni Ewropea u lil Alex Agius Saliba, Membru Parlamentari Ewropew, li se jkunu qed jagħtu tagħrif dwar l-ekosistema Ewropea attwali b’appoġġ għall-Innovazzjoni Soċjali kemm f’termini ta’ politika kif ukoll ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament.
Matul l-avveniment, dawk li jfasslu l-politika, rappreżentanti tas-settur privat kif ukoll dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet Ewropej se jippreżentaw u jiddiskutu policies, strumenti ta’ finanzjament, opportunitajiet ta’ internazzjonalizzazzjoni u inizjattivi oħra ta’ valur li jappoġġjaw individwi u organizzazzjonijiet lesti li jimplimentaw proġetti ta’ innovazzjoni soċjali.
Organizzata fi ħdan il-Proġett ENISIE, iffinanzjat mill-Programm Interreg Italia-Malta, din is-sessjoni ta’ animazzjoni hi mmirata għall-Awtoritajiet lokali u l-Fondazzjonijiet ta’ Istituzzjonijiet lokali, iżda għandha tkun ta’ interess ukoll għall-Impriżi Soċjali, l-Amministraturi u r-Rappreżentanti ta’ Hubs, u Innovation Mentors. Għalhekk, dawn huma huma mistiedna biex jieħdu sehem.
Filwaqt li l-attendenza hi bla ħlas, l-organizzazzjonijiet u l-individwi għandhom jirreġistraw l-interess tagħhom billi jibagħtu imejl lil Diana Spiteri – dspiteri@iurismalta.com, bit-titlu tas-suġġett: ENISIE Animation Session, 6 ta’ Marzu 2020.