Nhar is-Sibt li ġej, ġewwa l-Università l-Antika tal-Belt Valletta, se titella’ konferenza Nazzjonali dwar il-futur tal-baned bl-isem ta’ ‘Is-Soċjetajiet tal-Banda: il-futur b’rabta mal-passat u l-preżent’.
Din il-konferenza Nazzjonali li se tagħlaq b’diskors tal-ET President George Vella, u interventi mill-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici u rappreżentanti mill-Oppożizzjoni.
Se tkun diskussa t-triq ‘l quddiem għall-Għaqdiet Mużikali fl-isfond tal-isfidi kurrenti li qed iħabbtu wiċċhom magħhom.
Fost dawn l-isfidi hemm il-prezzijiet tal-bandisti, in-numru ta’ bandisti, in-numru ta’ tfal u żgħażagħ li qed jersqu ‘l quddiem sabiex jitgħallmu xi strument bla ħlas u diversi temi oħrajn.
Waqt din il-konferenza se jkun hemm preżenti rappreżentanti mis-soċjetajiet tal-Mużika Maltin u Għawdxin u se tkun qed tinqasam fi tliet partijiet. L-ewwel parti se jkun hemm diskussjoni minn panel ta’ esperti fil-qasam, it-tieni parti se jkun hemm il-parteċipazzjoni tal-udjenza preżenti filwaqt li l-aħħar parti se tkun iddedikata għad-diskorsi mid-dinjitarji preżenti.
Id-dettalji tal-konferenza huma nhar is-Sibt 12 ta’ Novembru 2022 fid-9am (reġistrazzjoni fid-8.45am) fl-Augla Magna, l-Università l-Antika l-Belt Valletta. Kulħadd mistieden jattendi u l-parteċipazzjoni hi mingħajr ħlas.
Din il-konferenza qed tiġi organizzata mill-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu tal-Ħamrun flimkien mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda u bis-sostenn tal-Kunsill Malti għall-Arti.