F’Ġunju li ġej Konferenza Nazzjonali ser tkun qed tagħti ħarsa lejn in-Nazzjon Malti u t-temi li l-iktar jolqtu lil dan il-ġens.
Din il-Konferenza taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella ser tkun ibbażata fuq stħarriġ li ser isir mill-Istatistiku Vincent Marmara. Huwa spjega kif dan l-istħarriġ ser jagħti ħarsa lejn diversi temi, fosthom il-politika, l-ekonomija, l-ambjent u l-kultura u kif il-Maltin iħarsu lejn dawn it-temi rispettivi.
Dr Marmara fisser: “L-iskop ta’ din ir-riċerka partikolari mhux dak li nippruvaw li nifhmu jekk jaqblux mat-tema partikolari jew ma’ ‘issue’ oħra partikolari, jekk jaqblux mal-ewtanasja jew mal-abbord, mhux dak l-għan il-prinċipali. Iżda aktar inħarsu fil-fond fuq dak li jiġġenera l-opinjonijiet tan-nies.”
Lou Bondi, li wkoll qed jorganizza din il-Konferenza spjega kif din il-konferenza nazzjonali imdawra mat-tema tal-għaqda, ser toħloq diskussjoni bejn nies minn oqsma differenti. Dan hekk kif b’kollox ser ikunu qed jindirizzaw il-konferenza 29 kelliem u numru ta’ moderaturi minn kull qasam li wkoll ser imexxu d-diskussjoni.
Huwa qal, “L-għaqda ma’ tinstabx fis-silenzju anzi tiffjorixxi preċiżament meta persuni ta’ fehmiet differenti u minn oqsma differenti jħabbtu l-ideat flok l-irjus ma’ xulxin.
Il-President ta’ Malta George Vella stqarr kif din il-konferenza ser opportunità li tagħti leħen lil kulħadd. Huwa appella sabiex jkunu rrispettati l-opinjonijiet ta’ kulħadd hekk kif huwa importanti li kulħadd jinstema’.
Il-President Vella stqarr: “Biex filwaqt li nkomplu nkunu kritiċi fuq dak kollu li huwa ħażin madwarna ngħożżu dak kollu li huwa pożittiv li akkwistajna bil-għaqal u bil-galbu tagħna u ta’ missirijietna.”