Waqt konferenza bl-isem ta’ “Connecting our Future”, il-Ministeru għall-Kompetittività u Ekonomija Diġitali, Marittima u tas-Servizzi laqqa’ flimkien l-entitajiet diversi li jaqgħu taħtu sabiex jipprovdu viżjoni u flimkien jaraw x’qed jistennew li se jintlaħaq matul is-sena li ġejja.
Il-Ministru Manuel Mallia fid-diskors tiegħu saħaq dwar l-effiċjenza, il-kontabilità, it-taħriġ u l-viżjoni ta’ dawn l-entitajiet għas-sena d-dieħla. Dr Mallia qal li, “matul is-sena d-dieħla għandna sfidi kbar li jesiġu li naħdmu bla waqfien biex nissodisfaw l-aspettativi illi jġibu magħhom. Fost dawn l-isfidi hemm it-tluq fuq skala nazzjonali tal-istrategija fuq is-cyber security, it-titjib tad-data centres tal-Gvern biex ikunu aktar business friendly, se tiġi riformata il-liġi li tirregola l-gaming u se jiżdiedu l-Wi-Fihotspots madwar Malta u Għawdex.’’
Il-Ministeru se jkompli jaħdem aktar fuq il-metodi ta’ finanzjament għal submarine cable bejn Malta u Marsilja, se jiġi mwettaq l-proġett Property Malta u kif ukoll se jinħoloq Maritime Proof of Concept Fund għal studji akkademici fis-settur marittimu.
Dawn huma biss l-aktar miżuri li se jidhru fl-2017, għaliex hemm ħafna xogħol ieħor ta’ tkomplija fuq proġetti oħra li diġà bdew. Dan jinkludi l-preparamenti b’rabta mal-Presidenza 2017.
Matul il-Presidenza l-Ministeru għall-Kompetittività u Ekonomija Diġitali, Marittima u tas-Servizzi għandu diversi attivitajiet kemm barra minn Malta kif ukoll f’Malta. Ta’ min issemmi li fi Frar li ġej l-Gaming Authority se tkun qed torganizza f’pajjiżna għall-ewwel darba l-Expert Group Meeting tas-settur tal-gaming tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Din se tkun opportunità biex insaħħu dan is-settur u nkomplu nkattruh f’mument ta’ sfidi minn pajjiżi ġirien tagħna.
F’April se tkun organnizata konferenza b’tema marittima bl-isem “The Blue Growth Initiative: Nautical and Maritime Tourism”. Din se tlaqqa’ l-Ministri Ewropej responsabbli mill-politika marittima biex jiddiskutu fost l-oħrajn l-Ocean Governance u l-opportunitajiet ekonomiċi li joffri s-settur nawtiku u dak marittimu. F’Ġunju li ġej, il-Ministeru se jorganizza id-Digital Assembly bit-tema “Digital EU-Investing in The Future”. Din l-attività se tattira lejn pajjiżna ma’ elf delegat u se timmarka t-tmiem tar-roaming charges fl-Unjoni Ewropea.