F’intervista fuq ONE Radio l-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-konferenza li l-Partit Laburista ser ikun qed jagħmel fi tmiem il-ġimgħa li ġejja bit-tema ‘Inġeddu lil Malta Flimkien.’
Huwa spjega kif il-Partit Laburista dejjem kien dak li ġab il-bidla f’pajjiżna fosthom anke fil-qasam tad-drittijiet ċivili. Hawnhekk huwa kkuntrasta s-sitwazzjoni li għandna f’pajjiżna llum ma’ dik ta’ qabel l-2013.
“Taf x’kienu jgħidulek? Nittoleraw Sa nittolleraw naslu u dik kienet ir-realtà ta’ x’kien jingħad, in-narrattiva, sat-tolleranza. X’tolleranza? Inti trid tkun katalista ta’ bidla f’dan il-qasam u l-Partit Laburista rajna li kien katalista, li llum nistgħu tabilħaq nitkellmu li pajjiżna huwa c-Champion fil-qasam tat-tisħieħ tad-drittijiet ċivili. Fadal x’nagħmlu u naslu għalihom ukoll.”
Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar iż-żjara uffiċjali li l-Prim Ministru Libjan Abdulhamid Dbeibah għamel f’pajjiżna. Qal kif f’din iż-żjara t-tema tal-immigrazzjoni irregolari ma kinitx ewlenija hekk kif f’dawn l-aħħar xhur qed naraw il-frott tal-ħidma li saret.
“Fid-darbtejn li żorna l-Libja, darba taħt il-Prim Ministru Dbeibah f’April li għadda, darba oħra fi żmien il-Prim Ministru Sarrage u imbgħad meta l-Prim Ministru Sarrage ġie Malta. Kienet it-tema ewlenija li xtaqna niddiskutu imma imbgħad il-ħidma li saret b’mod konsistenti minn hemmhekk il-quddiem wasslet biex rajna li f’dan is-Sajf kellna tnaqqis sostanzjali fil-wasliet ta’ immigranti rregolari f’pajjiżna.”
Stqarr kif mal-Prim Ministru Libjan tkellem dwar l-importanza li jkun hemm l-istabilità fil-Libja. Spjega kif din l-istabilità hija kruċjali wkoll għad-demokrazija u l-proċess demokratiku fil-Libja.
Il-Prim Ministru spjega kif issa hemm bżonn li tiżdied il-konnettività bejn pajjiżna u l-Libja sabiex ikompli jikber l-investiment bejn iż-żewġ pajjiżi. Innota kif il-Prim Ministru Libjan għażel lil pajjiżna biex ikun wieħed mill-ewwel li jżur uffiċjalment. Qal li dan juri s-sinifikat qawwi li għandu pajjiżna fix-xena internazzjonali.
Huwa temm jappella lin-nies sabiex mhux biss jipparteċipaw għall-konferenza tal-Partit Laburista bit-tema ‘Inġeddu Malta Flimkien’ fi tmiem il-ġimgħa d-dieħla, iżda sabiex jipparteċipaw fil-politika b’mod inġenerali. Qal li l-Partit Laburista dejjem kien katalista li minnu nibtu l-aktar ideat importanti u hawnhekk semma l-miżura tac-childcare b’xejn li rat r-ritorn ta’ ammont kbir ta’ ġenituri li daħlu lura fid-dinja tax-xogħol. Hawnhekk semma kif qabel l-2013 l-mentalitá kienet waħda li tasal biss sat-tolleranza tas-sitwazzjoni kif kienet, madankollu llum għandna Gvern li huwa katalista tal-bidla. Qal kif din il-konferneza fi tmiem il-ġimgħa li ġejja ser tkun qed tħares il-quddiem u b’analiżi ta’ dak li ksibna fil-passat nħarsu l-quddiem lejn x’bidliet irridu f’pajjiżna għas-snin li ġejjin.
“Iva ejja nkunu awto-kritiċi. Imbgħad fl-aħħar mill-aħħar ejja nkunu pożittivi wkoll u nħarsu lejn x’għandna noffru għall-futur ta’ dan il-pajjiż tant sabiħ. U għalhekk l-istedina tiegħi nerġa’ nagħmilha ejja għall-konferenza, u l-istedina tagħna tibqa’ waħda sabiex inġeddu lil Malta flimkien.”