Fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid il-Kbir, il-pubbliku kellu l-opportunità li jżur il-Palazz tal-Inkwiżitur il-Birgu mingħajr ħlas sabiex b’hekk mhux biss japprezza l-istruttura storika li jħaddan dan il-post imma jiskopri f’aktar dettall ir-ritwali u d-drawwiet marbuta mal-passjoni u l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù Kristu.
Aktar minn tlett elef u ħames mitt ruħ, żaru l-Palazz tal-Inkwiżitur f’Sibt il-Għid; dan hekk kif Heritage Malta fetħet il-bibien tiegħu mingħajr ħlas għall-pubbliku.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, kull min żar dan il-bini storiku kellu l-opportunità li jifhem l-istorja u l-influwenzi li sawru r-ritwali u d-drawwiet marbuta mal-passjoni u l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù Kristu.
Il-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici attenda għal din l-okkażjoni fejn iltaqa’ mal-viżitaturi li kienu qegħdin jesploraw l-aspett storiku ta’ dan il-palazz uniku Ruman li serva ta’ dar u tribunal għall-inkwiżituri mill-1574 sal-1798.
One News tkellem mal-kuratur ta’ dan il-Palazz, Kenneth Cassar li spjegalna l-irwol tal-inkwiżitur f’Malta:
L-inkwiżizzjoni f’Malta kienet unika għaliex l-inkwiżitur ma kienx biss l-imħallef ta’ din il-qorti spiritwali imma kien ukoll id-delegat appostoliku xogħol li llum Malta jagħmlu n-nunzju. F’Malta kien hawn il-bżonn li l-inkwiżitur ma jkunx assoċjat ma’ ordni partikolari għaliex l-inkwiżitur kien jaqdi żewġ irwoli.
Il-Palazz tal-Inkwiżitur huwa l-uniku Palazz tat-tip tiegħu fid-dinja, li huwa miftuħ għall-pubbliku.