F’Malta permezz tal-Aġenzija Sapport u l-European Association of Service Providers for Persons with Disabilities (EASPD), ser tospita konferenza internazzjonali bl-isem ta’; ‘Kwalità tal-Ħajja u Servizzi ta’ Appoġġ: Mill-Kliem għall-Azzjoni’
L-għan prinċipali tal-konferenza huwa li tispira aktar servizzi ta’ sapport li jiffokaw fuq it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-persuni. Fil-konferenza ser ikun hemm 60 kelliem internazzjonali u nazzjonali, inklużi dawk il-ħaddiema kollha li jaħdmu fis-settur tad-diżabilità.
Dawn ġejjin minn pajjiżi differenti, fosthom; mill-Finlandja, Spanja, il-Moldova, l-Iskozja, Ċipru, l-Olanda, il-Belġju, Franza, il-Bulgarija, ir-Renju Unit u l-Ungerija.
L-EASPD tirrappreżenta l-interessi ta’ aktar minn 20,000 ta’ servizzi ta’ kura soċjali u appoġġ għal persuni b’diżabilità madwar 41 pajjiż, filwaqt li l-Aġenzija Sapport tipprovdi servizzi regolari professjonali u innovattivi biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni Maltin b’diżabilità u l-familji tagħhom.
Preżenti fil-ftuħ tal-konferenza attendiet il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli. Hi ħeġġet lil dawk preżenti biex ma jibqgħux imwaħħlin mal-kelma “tama”, iżda li jitransformaw l-azzjonijiet tagħhom. Dan ifisser li mhux biss il-persuni b’diżabilita’ għandhom bżonn jiġu nkoraġġuti, iżda l-politiċi wkoll.
Fl-intervent tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Oliver Scicluna qal li t-titlu tal-konferenza jirrifletti l-moviment li rridu nagħmlu mill-kliem għall-fatti. Huwa spjega li matul dawn il-jumejn ser jiġu spjegati proċessi li jistgħu itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità.