L-organizzazzjoni European Cities Against Drugs, l-ECAD, flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, organizzaw konferenza għas-sindki u l-imsieħba relevanti tal-kunsilli lokali bil-għan li jingħataw aktar għarfien kontra l-użu tad-droga.
L-ECAD hija netwerk ta’ aktar minn 250 belt u muniċipalità Ewropej li jaħdmu flimkien biex jiżvilppaw inizjattivi u sforzi kontra l-abbuż mid-droga.
F’din l-okkażjoni, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, faħħret l-inizjattiva tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali għal impenn favur aktar taħriġ għall-mexxejja tal-kunsilli lokali f’dan il-qasam. Hija qalet li l-għarfien miksub se jservi bħala għodda oħra li se tkompli tgħin fit-tisħiħ tad-demokrazija lokali, tal-governanza tajba, u tal-iżvilupp sostenibbli fl-ibliet u l-irħula ta’ pajjiżna.
‘Permezz ta’ din il-konferenza, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ħadet ħsieb li tindirizza tema li hija ta’ interess għall-Gvern Lokali, ‘European Cities against drugs’, għaliex aħna rridu li r-residenti tagħna jgħixu ħajja sana f’komunita b’saħħitha.’
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava, spjega kif l-Assoċjazzjoni qed taħdem mill-qrib mal-ECAD sabiex il-kunsilli reġjonali u lokali f’pajjiżna jkollhom l-għarfien fuq prattiċi tajba kontra l-abbuż tad-droga.
“Il-Kunsilli Lokali se jkollhom ukoll iċ-ċans li jaraw kif jaħdmu barra minn xtutna f’aġenziji oħrajn biex fil-prattika jagħmlu dak li jgħodd għalina meta jiġu affaċċjati f’okkażjonijiet bħal dawn.”
Il-President tar-Reġjun Tramuntana, Clifford Galea, qal li l-ambizzjoni ta’ kulħadd għandha tkun li n-nies ikollhom ħajja kuntenta. Qal li d-droga ttellef l-paċi u għalhekk ilkoll irridu ninsistu favur ħajja mingħajr id-droga.
Waqt din il-konferenza taw sehmhom ukoll għadd ta’ kelliema barranin, professjonisti fil-qasam tal-abbuż u l-prevenzjoni tad-droga, u tim ta’ prevenzjoni tas-Sedqa, li ppreżentaw żewġ studji.