Waqt il-konferenza ġenerali tal-Partit Laburista tkellmu wkoll il-ġenituri ta’ Andrea, Amanda u Emanuel Degabriele.
Huma rrakontaw l-istorja tagħhom bħala ġenituri ta’ tifel li twieled b’kundizzjoni ġenetika li hija severa u rari ħafna u li sfortunatament kura għaliha ma teżistix.
Il-koppja Degabriele ħarset lura għal jiem ta’ tbatija li għaddew flimkien ma’ binhom Andrea li kien għad kellu biss sena meta kien jixrob permezz ta’ pajp u kien jingħata maskra tal-ossiġnu kull sagħtejn.
Missier Andrea Emanuel spjega li aktar ma għadda żmien aktar il-kundizzjoni bdiet tiggrava sa mal-kundizzjoni wasslithom għal xahar kiefer fl-isptar.
Emanuel stqarr li ma seta’ jsir xejn kontra din il-kundizzjoni li sfortunatament serqitilhom lil binhom fl-età ta’ sena u erba’ xhur.
Hu spjega li l-vojt li ħalla binhom għadu jinħass sal-lum il-ġurnata iżda l-ħolma tagħhom li jsiru ġenituri tibqa’.
Emanuel u Amanda esprimew ix-xewqa tagħhom li huma wkoll jiċċelebraw Jum l-Omm u Jum il-Missier.
Huma sostnew li jinsabu fiduċjużi li l-liġi tal-IVF ser tagħmel realtà l-ħolma tagħhom li jsiru ġenituri.