F’pajjiżna, għall-ewwel darba, saret konferenza internazzjonali, organizzata mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjieg, u l-Uffiċjal Nazzjonali ta’ Kollegament għal Malta.
F’din il-konferenza, diversi rappreżentanti Ewropej, iddiskutew id-drittijiet tal-ħaddiema, fid-dinja tax-xogħol.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, semma diversi liġijiet u miżuri li tħabbru fil-baġit għas-sena d-dieħla, fosthom iż-żieda fil-paga minima nazzjonali.
Huwa aċċenna wkoll għal-liġi li tirregola s-settur tal-ħaddiema tal-Pjattaforma Diġitali.
Qal ukoll li qed iħares ’il quddiem biex fiż-żmien li ġej tidħol fis-seħħ il-liġi li se tkun qed tirregola l-aġenziji tax-xogħol.
Qal, “B’sodisfazzjon, spjegajt ukoll dak li qed nagħmlu biex nirregolaw it-temping agencies, liġi li se toħloq qafas legali robust, fejn bis-saħħa tagħha, f’pajjiżna se jiġu biss ħaddiema ta’ kwalità u fejn hemm bżonnhom fis-setturi speċifiċi.”
Għal din il-konferenza kien hemm preżenti d-Direttur Ġenerali tad-DIER Diane Vella Muscat u diversi msieħba soċjali.