Kulħadd għandu jkollu livell ta’ għajxien tajjeb xprunat minn housing adegwat.
Dan kien il-messaġġ li ħareġ f’konferenza bit-tema “Housing adegwat bħala dritt fundamentali”, li ddiskutiet is-settur tal-housing madwar l-Ewropa.
Il-konferenza ġiet organizzata mill-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba, is-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew u l-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali f’pajjiżna.
Fil-preżenza ta’ diversi organizzazzjonijiet Maltin fis-settur u rappreżentanti Ewropej li ngħaqdu b’mod virtwali, il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba nnota kif wieħed minn kull għaxar ċittadini Ewropej qed jonfqu aktar minn erbgħin fil-mija tad-dħul tagħhom fuq l-akkomodazzjoni, u ħafna Ewropej qegħdin jgħixu f’ambjent mhux xieraq b’kontijiet li ma jifilħux.
Innota kif fil-kuntest Malti, pajjiżna qed ikun ta’ eżempju fis-settur: “Din il-konferenza qiegħda ssir Malta għaliex Malta llum il-ġurnata fuq bażi Ewropea, saret eżempju kif fl-aħħar mill-aħħar nieħdu ħsieb din il-problema, li hija problema Ewropea, mhix problema biss lokali, jiġifieri l-miżuri li qed immexxu ’l quddiem, l-għajnuniet li qegħdin nagħtu, skemi, sussidji, upfront payments biex persuna tkun tista’ ssir sid ta’ darha, l-investiment fl-infrastruttura bla preċedent li qegħdin nagħmlu fil-binjiet, dan kollu qed jiġi nnutat fuq bażi Ewropea.”
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes innota li l-miżuri li ttieħdu fis-settur mhux biss jassiguraw housing adegwat imma jħeġġu lin-nies ikunu sidien ta’ darhom.
Huwa stqarr: “Dak li qegħdin nagħmlu f’pajjiżna huwa li b’sistemi adegwati permezz ta’ benefiċċji, tisħiħ tas-servizzi soċjali, qegħdin nuru bil-fatti kif mhux biss naqqasna l-waiting list tal-Awtorità tad-Djar, imma qegħdin noħolqu sinerġija ta’ għajnuniet u allura dak li huwa ta’ eżempju tajjeb f’pajjiżna qegħdin nesponuh ukoll ma’ sħabna Ewropej.”
Fil-konferenza ġie nnutat kif in-nies li qed jispiċċaw bla saqaf fuq rashom qed jiżdiedu f’erbgħa u għoxrin stat membru Ewropew.
Huwa stmat li seba’ mitt elf persuna jorqdu barra jew f’xelters ta’ emerġenza kull lejl fl-Ewropa, u ċ-ċifra żdiedet b’sebgħin fil-mija fl-aħħar għaxar snin.