Kelliema lokali u internazzjonali li ġejjin mill-akkademja, dixxiplini kreattivi, periti u esperti fl-ekoloġija pparteċipaw fit-tieni edizzjoni tal-Konferenza Edukattiva tal-MICAS.
Din il-konferenza tat l-opportunità lill-pubbliku jesplora l-isfidi tal-urbanizazzjoni densa u r-rwol tal-ispazju tal-ġnien urban.
Iċ-Chairperson tal-MICAS, Phyllis Muscat, saħqet li hija r-responsabbiltà tal-MICAS, bħala organizzazzjoni kulturali pubblika u pjattaforma internazzjonali, li tiffaċilita l-parteċipazzjoni u twessa’ d-diskussjoni dwar sfidi tal-kultura kontemporanja permezz ta’ skambju ta’ għarfien u l-involviment tal-pubbliku.
“L-iskop ta’ dawn il-konferenzi huwa li jixprunaw diskussjoni pubblika dwar dawk il-kwistjonijiet li huma rilevanti għas-soċjetà u għall-arti kontemporanja” qalet Muscat.
Il-Professur tal-Arkitettura u l-Urbaniżmu, C J Lim, ta diversi eżempji storiċi u kurrenti ta’ kif in-natura ġiet integrata mal-arkitettura, u sostna li għandha tittieħed kull tip ta’ inizjattiva fl-arkitettura sabiex tikkollabora mal-ambjent tal-madwar.
Preżentazzjoni oħra, mogħtija mill-lettur anzjan tal-MCAST, Dr Mario Balzan, iffokat fuq eżempji ta’ kollaborazzjonijiet riċenti li ndirizzaw nuqqasijiet fl-għarfien u l-prattiċi lokali, fejn id f’id mal-komunitajiet, instabu soluzzjonijiet ibbażati fin-natura.
Il-konferenza saret is-Sibt filgħodu fil-Mużew Nazzjonali għall-Arkeoloġija fil-Belt Valletta.