Dalgħodu fil-Palazz Verdala saret konferenza dwar il-bżonn li nużaw l-ilsien Malti b’mod tajjeb.
Il-President ta’ Malta, George Vella, kellu appell ċar dwar il-bżonn li nipproteġu l-ilsien nazzjonali tagħna.
Fil-Palazz tal-President fil-Verdala, ġiet organizzata konferenza dwar l-importanza tal-lingwa Maltija bl-isem ta’ ‘L-ilsien Malti għal Qalbi – Konferenza dwar l-użu ta’ Lsienna Fostna.’
Il-President ta’ Malta, George Vella, fakkar li fil-ħidma tagħna biex inħaddmu l-ilsien Malti b’mod tajjeb ma rridux ninsew il-vantaġġi li jgawdi pajjiżna mill-bilingwiżmu. Dan filwaqt li tkellem dwar l-importanza li nipproteġu l-ilsien Malti.
“Irridu nipproteġu l-lingwa, u nipproteġuha minn xiex? Milli tiġi mwarrba biex tidħol lingwa oħra. Nipproteġuha milli tiġi użata ħażin u nipproteġuha milli tispiċċa mfarrka, li ma tibqax il-lingwa sabiħa li għandna.”
Il-President tkellem ukoll dwar l-importanza li, partikolarment il-midja, tagħraf tuża Malti tajjeb biex filwaqt li l-lingwa tibqa’ ħajja u tkompli tiġi żviluppata, ma tinbidilx bla kontroll.
Is-Sur Kit Azzopardi, f’isem l-għaqdiet tal-Malti, spjega kif din il-konferenza saret bil-għan li tinforma u tħeġġeġ lil min tassew jista’ jagħmel id-differenza.
Matul il-konferenza saru preżentazzjonijiet dwar il-psikoloġija tal-komunikazzjoni; il-lingwa, l-aċċessibbiltà, u l-inklużjoni; il-Malti f’Malta u l-amministrazzjoni pubblika; il-Malti fl-Unjoni Ewropea u għajnuniet lingwistiċi diġitali; u l-lingwa tas-saħħa u s-saħħa tal-lingwa.
Din il-konferenza hija parti mill-kampanja nazzjonali bit-tema ‘l-ilsien Malti għal Qalbi’, li qed issir b’kollaborazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-President u seba’ għaqdiet tal-Malti b’risq il-lingwa Maltija.