F’Malta qed issir konferenza annwali dwar l-antisemitiżmu. Din hi l-ewwel konferenza tal-Organizzazzjoni tas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, waqt il-Presidenza Maltija tagħha.
Preżenti għal din il-konferenza hawn total ta’ 47 delegazzjoni mill-pajjiżi msieħba f’din l-akbar organizzazzjoni ta’ xorta tagħha fid-dinja.
Fil-ftuħ tal-konferenza kien hemm preżenti wkoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, li bħalissa hu ċ-Chairperson-in-Office tal-istess OSCE.
F’diskors li għamel, il-Ministru Borg enfassizza l-urġenza li jkun hemm aktar rieda kollettiva kontra l-antisemitiżmu u kull forma ta’ intolleranza u diskriminazzjoni oħra.
Hawnhekk il-Ministru Malti sostna kif l-antisemitiżmu, l-intolleranza tar-reliġjonijiet u l-xenofobija qed ikunu ta’ theddida għas-sigurtà tas-soċjetajiet madwar id-dinja kollha, speċjalment fil-pajjiżi fejn bħalissa għaddejjin konflitti.
Il-Ministru Borg talab li jkun hemm rieda minn kulħadd, waqt li enfasizza fuq ir-rwol importanti ta’ aktar edukazzjoni, biex ikun hemm aktar ftehim u aċċettazzjoni.
F’dan il-forum internazzjonali hu semma r-rwol storiku li kellu pajjiżna biex jipprovdi refuġju lil-Lhud matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, iċ-Chairperson tal-OSCE talab għall-impenn kollettiv biex naħdmu għal dinja li fiha kull individwu jista’ jgħix ħajja ħielsa mingħajr ebda biża’ u diskriminazzjoni, irrelevanti x’jemmen u minn fejn ġej.