Malta qed tospita bosta rappreżentanti minn għadd ta’ pajjiżi minn madwar id-dinja għal konferenza, bl-isem ta’ ‘Malta V’, peress li hi l-ħames edizzjoni tal-Hague Conference on Private International Law.
L-għan ta’ din il-konvenzjoni, li bdiet it-Tlieta u tintemm il-Ġimgħa, jiffoka primarjament fuq il-ħarsien u s-sigurtà tat-tfal madwar id-dinja, waqt li jiżdiedu l-miżuri li jevitaw l-abbuż, tiżdied il-promozzjoni għall-koperazzjoni mal-ġenituri u jitkomplew jissaħħu l-istrutturi legali f’dan ir-rigward.
L-Erbgħa filgħodu intervjenew, f’isem pajjiżna, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, u l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard.
Il-Ministru Falzon enfasizza fuq ix-xogħol siewi li qed tagħmel l-Awtorità lokali għall-Istandards tas-Sigurtà Soċjali, u rrikonoxxa li kull flus li nonfqu fuq l-ulied fis-soċjetà huma dejjem investiment tajjeb fil-ġejjieni ta’ kull pajjiż.
“Il-konferenza hi xhieda ta’ kemm pajjiżna hu kommess fejn tidħol il-protezzjoni tat-tfal. Hawnhekk qed naraw konferenza internazzjonali b’nies li ġejjin mill-kontinenti kollha. L-importanza li nipproteġu t-tfal tibqa’ dejjem hemm. It-tfal huma parti mis-soċjetà tal-lum, huma s-soċjetà ta’ għada u għandna dover u sens ta’ urġenza li nagħmlu l-aħjar biex nipproteġu lit-tfal, mhux biss fuq bażi lokali, imma anke b’koperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn.”
Min-naħa l-oħra, il-Ministru Attard spjega r-rwol tal-Malta Process, id-djalogu multi-nazzjonali, li twaqqaf għoxrin sena ilu skont il-Konvenzjoni ta’ The Hague, fejn qal li xogħolu hu li dejjem jara x’inhu l-aħjar għat-tfal, inkluż f’pajjiżna.
Hu tenna wkoll li, fil-jiem li ġejjin, se ssir konsultazzjoni pubblika b’rabta mal-Qorti tal-Familja lokali.
“Dan hu proċess li jkompli jikkonferma l-impenn tagħna fuq livell internazzjonali, li nikkoperaw f’dak li għandu x’jaqsam ma’ proċeduri ġudizzjarji li, fl-aħħar mill-aħħar, huma msejsin fuq l-aqwa protezzjoni tat-tfal. Il-fatt li jkollok konferenza ta’ dan it-tip f’pajjiżna tkompli tirriafferma mhux biss l-impenn, imma anke l-fatt li l-politika tagħna, anke lokalment, hi ffokata biex inkomplu nsaħħu l-qafas legali kif ukoll l-istrutturi ħalli nassiguraw li jkollna proċeduri adegwati li jkunu effiċjenti u li, fl-aħħar mill-aħħar, jieħdu approċċ aktar sensibbli għal sitwazzjonijiet marbutin mal-familja.”