L-aħbar tal-mewt ta’ Papa Franġisku dalgħodu ħasdet lid-Dinja, minkejja s-sitwazzjoni ta’ saħħtu f’dawn l-aħħar xhur. Konsegwenza ta’ dan kienu diversi l-mexxejja u kapijiet internazzjonali li bagħtu l-kondoljanzi lill-Vatikan u l-komunità Kattolika Rumana madwar id-dinja.
Il-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni kitbet li kienet ixxurtjata li kellha l-ħbiberija tal-Papa fejn kien itiha pariri u għallimha ħafna. Xi ħaġa li baqgħet kontinwa anke fi żminijiet meta kien batut u qed isofri.
Fost il-kitbiet fuq il-mezzi soċjali, kien hemm dak tal-Prim Ministru Ingliż Keir Starmer, li sejjaħlu l-Papa tal-fqar, il-magħkusa u l-minsija.
Kitbiet fuq il-pjattaforma X bil-kondoljanzi waslu wkoll mill-President Franċiż Emmanuel Macron, il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz, il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez, il-President Ukren Volodymyr Zelensky, il-Prim Ministru Pollakk Donald Tusk, il-Prim Ministru Awstraljan Anthony Albanese u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.
Il-Kap tal-Knisja Anglikana, ir-Re Brittaniku Karlu III, li wkoll kellu udjenza mal-Papa l-ġimgħa l-oħra flimkien mar-Reġina Camilla fl-okkażjoni tal-20 Anniversarju miż-żwieġ tagħhom, f’messaġġ fuq X qal li Papa Franġisku se jibqa’ mfakkar għax-xogħol kbir li wettaq biex iżomm il-knisja maqgħuda.
Il-President Russu Vladimir Putin, qed ikun irrappurtat li bagħat il-kondoljanzi lill-Kardinal Kevin Joseph Farrell u rrefera għall-fatt li matul il-pontifikat tiegħu dejjem ippromwova djalogu bejn il-Knisja Ortodossa Russa u dik Kattolika Rumana.
JD Vance, l-aħħar mexxej politiku li kellu udjenza mal-Papa propju meta żar il-Vatikan ilbieraħ, ukoll wera s-sogħba tiegħu b’kitba fuq is-sit ‘X’.
Sadanittant, il-logħob kollu tal-futbol Serje A fl-Italja tal-lum ġie pospost bħala rispett għall-mewt ta’ Papa Franġisku li kien segwaċi kbir tal-logħba tal-futbol filwaqt li ġiet posposta il-kanonizzazzjoni ta’ Carlo Acutis.
Albanese