Dawk kollha li tul is-snin kellhom impjieg fl-Awstralja u li issa jinsabu f’pajjiżna jgawdu mill-pensjoni ta’ dan l-impjieg se jiġu eżentati minn ħlas ta’ taxxa addizzjonali u interessi dovuti minn dan id-dħul għajr għal multa ta’ għoxrin ewro.
Is-Sur Tarcisio Scicluna, direttur ġenerali fi ħdan l-Uffiċju tal-Kummissarju tat-Taxxi spjega ma’ ONE News li dan seħħ wara li fi skambju ta’ informazzjoni bejn il-Gvern Malti u dak Awstraljan, ġie stabbilit li hemm għadd ta’ persuni li mingħajr l-ebda ħsieb li jabbużaw mis-sistema, ma kinux qed jiddikjaraw id-dħul tagħhom mill-pensjoni tal-Awstralja.
“Meta analizzajna s-sitwazzjoni kif ġrat u ma ġratx irrealizzajna kienet iżjed nuqqas ta’ informazzjoni milli persuna prova jevadi t-taxxa f’din il-kwistjoni.Għalhekk il-Ministru ħass li kellu jagħti konċessjoni ta’ darba billi ħafer il-multi tal-late submission għax peresli morna ħames snin lura tiġi qisa late submission u l-interessi jinħafru kollha u titħallas multa ta’ għoxrin ewro darba”
Is-Sur Scicluna stqarr li dawk li diġà rregolarizzaw ruħhom u ħallsu mijiet ta’ ewro f’interessi se jirċievu ċekk ta’ rifużjoni bid-differenza tal-flus.
“Hemm numru ta’ persuni li ġa bdew jirregolarizzaw ruħhom u hemm minnhom li ħallsu l-ammont ta’ taxxa u l-multi u l-interessi ħallsu kollox. Dawn se jirċievu ittra minn ghandna u se jirċievu refund tad-differenza mit-twenty euro”
Intant is-Sur Scicluna stqarr ma’ dan l-istazzjon li dawk li għadhom ma mlewx il-formola se jirċievu l-formola u jingħataw xahrejn ċans biex jibagħtuha lura. Spjega wkoll li se tingħata opportunità lil dawk li ma jistgħux iħallsu t-taxxa f’pagament wieħed, biex iħallsuha bin-nifs fi żmien sena.