Il-Komunità Musulmana Ahmadiyya f’Malta ikkundannat bil-qawwi żewġ attakki separati li seħħew fi knejjes kattoliċi fl-Eġittu. Fi splużjoni fi Knisja fin-Nile Delta, 25 indarbu u 60 oħra sfaw midruba, filwaqt li f’attakk suwiċida f’Lixandra, tnejn inqatlu u 21 oħra sfaw midruba.
Dawn huma atti mhux umani u krudili, qalet il-Komunità f’Malta, u fi stqarrija ikkundannat dak li ġara bil-qawwa kolla. Talbet ukoll li l-istat jipprovdi protezzjoni sħiħa lil kull ċittadini li jgħix fil-pajjiż, irrispettivament mil-kulur tal-ġilda, twemmin jew politika. Appellat b’mod partikolari biex id-drittijiet tal-minuri jkunu protetti bi sħiħ mill-istat.
Ikkwotaw it-tagħlim mill-Quran u kkundannaw l-użu tal-forza fejn jidħol it-twemmin, jew f’isem ir-reliġjon.
“Aħna, membri tal-Ahmadiyya Muslin Jamaat, nesprimu l-kondoljanzi lill-familji tal-vittmi f’dan il-mument diffiċli u nitolbu biex dawk midruba jkollhom is-saħħa” temmet tgħid il-Komunità fi stqarrija ffirmata mill-president Laiq Ahmed Atif.