Il-bank HSBC se jibda jieħu ħames ewro lill-klijenti tiegħu, kemm il-darba dawn ma jiiddepożitawx €2,300 kull tliet xhur.
F’email li ra ONE News m’għand klijenti tal-bank jintqal li l-bank biddel ħafna mill-operat tiegħu.
Dawk ‘il fuq minn 61 sena qed jintalbu jitfgħu fil-kont kurrenti jew tat-tfaddil, mill-inqas €1,250 kull tliet xhur, inkella wkoll jeħlu l-ħames ewro fix-xahar.
Il-bank qal li hemm numru ta’ nies li jistgħu jiġu eżentati minn dan il-ħlas bħal fost oħrajn tfal li għandhom kont u li għandhom taħt is-16-il sena jew żgħażagħ li qed jistudjaw u għadhom ma għalqux il-25 sena.
Fi stqarrija, l-għaqda tal-Konsumaturi ħarġet kontra dawk li sejħet ħlas mitlub bl-addoċċ mill-bank.
L-Għaqda tal-Konsumaturi qalet li dawn iż-żidiet huma parti minn sensiela ta’ azzjonijiet biex l-użu tal-banek mill-konsumaturi jibda jsir bil-ħlas.
L-Għaqda qalet li l-interessi li jagħtu l-banek huma redikoli meta imbagħad huma jużaw il-flus tal-konsumaturi biex isellfu u jdaħħlu interessi ħafna aktar għolja minn dak li jagħtu lil min jitfa’ flusu fil-bank tagħhom.
F’kummenti ma’ ONE News, il-President tal-Għaqda tal-Konsumaturi, Benny Borg Bonello qal li din hija miżura li tolqot ħażin lil min hu bi dħul baxx, bħal pensjonanti.
Saħaq li jħoss li l-banek għandhom ikollhom ukoll responsabilità soċjali.
Spjega li, “Ir-reazzjoni tal-Għaqda tal-Konsumaturi hija illi hija kkonfundata minħabba li din il-miżura se tolqot ħafna lil dawk li huma konsumaturi vulnerabbli.”
Qal li nistgħu niġu f’sitwazzjoni li minflok il-bank itik l-interessi talli tpoġġi flusek għandu, se tibda tħallsu talli tinqeda mis-servizz bankarju.
Qal kif, “Illi jekk se nibqgħu sejrin hekk se niġu illi l-konsumaturi jibdew jiddepożitaw hemmhekk, il-bank jaqla’ l-flus u l-konsumaturi xorta jkollhom iħallsu lill-bank għas-servizzi tagħhom.”
L-Għaqda tal-Konsumaturi fakkret li fl-2019, il-bank HSBC għamel qligħ qabel it-taxxa ta’ €45.3 miljun li jirrappreżenta żieda ta’ 24% fuq is-sena ta’ qabel.