It-talent Malti jkompli jispikka, anke barra minn xtutna.
Fil-fatt fid-29 ta’ Settembru, kompożizzjoni tal-kompożitur Malti Reuben Pace se tindaqq f’kunċert fil-Musikverein fi Vjenna.
Il-kompożizzjoni ta’ Pace se tkun Premiere Dinjija, u se tindaqq mill-kitarrista Johanna Beisteiner.
Bl-isem Mdina Suite, il-kompożizzjoni għal-kitarra tirrifletti l-misteru u l-ġawhra tal-kapitali l-antika, l-isqaqien u toroq dojoq tagħha, u ż-żmien li għaddiet minnu.
Xogħol li involva ħafna riċerka.
“Hemm sezzjoni partikolari minnu li tirrifletti x’ġara fl-1426 meta l-Imdina ġiet assedjata mit-Torok (ma kellniex il-Kavallieri dak iż-żmien) kienu l-Maltin li rreżistew u rebħu wkoll.”
Il-kompożizzjoni fiha seba’ biċċiet qosra, b’tul totali ta’ 15-il minuta.
Magħha se jindaqqu kompożizzjonijiet oħrajn, l-African Sketches ta’ Charles Camilleri – li kien l-ewwel għalliem ta’ Pace fil-kompożizzjoni – u żewġ biċċiet ta’ kompożituri Awstrijaċi.
Spjegalna li l-musikverein – is-sala fejn se tindaqq il-kompożizzjoni tiegħu, hi waħda prestiġjuża ferm – fost l-iktar rinomati fl-Ewropa.
“Il-fatt li l-kompożizzjoni tiegħi se tindaqq f’din is-sala hu prestiġġjuż ħafna għax jekk wieħed ikollu jqabbel mal-futbol, kieku kont plejer Malti nilgħab il-Wembley Stadium, ngħidu aħna”
Dr Pace spjega kif dan il-kunċert se jittella’ grazzi għall-Ministeru tal-affarijiet barranin, partikolarment il-cultural diplomacy fund.
Proġett li jgħinu jwassal il-mużika tiegħu u l-kultura Maltija lil hinn minn xtutna, fejn ikun hemm skambju ta’ mużika, kulturi u ideat.
Intant, għajnejh diġà qed iħarsu ’il quddiem lejn il-ġejjieni, lejl l-Opra Belt il-Bniedem, u iktar.
“Is-sena d-dieħla nixtieq li ntella’ kunċert ikbar l-Awstrija jew il-Ġermanja, li jkun ibbażat fuq l-istess idea, fuq l-istess linja, biex inlaqqgħu nies minn pajjiżi differenti flimkien biex noħolqu networking.”