Erġajna. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, telaq fuq kampanja kontra xi ħaġa li fil-veritá mhu kontra tagħha xejn.
U din id-darba kixfitu Marthese Portelli. Peró, mhux għax kien hemm bżonn.
F’intervista mat-Times of Malta lil Marthese Portelli staqsewha jekk taqbilx li jkun hemm moratorium fuq bini high rise. Ma qalitx iva.
Konferma oħra ma’ dawk li diġá kien hemm li għalkemm jikkampanja kontrih, biex jirkeb fuq karru ta’ ftit nies f’ħafna NGOs ambjentali, il-PN ta Simon Busuttil mhux kontra dan it-tip ta’ żvilupp. Għax anke Portelli qalet li jekk ma tgħolliex trid twessa’.
Peró iktar minn hekk. Kif jista’ jkun kontra meta bil-pjani tal-PN seta’ jsir bini high rise kulimkien inkluż f’ Għawdex?
Hekk hu. Seta’ jsir f’Malta kollha. Illum hemm ftit siti magħżula u hemm pjan ta’ kif isir bini high rise f’ċerti lokalitajiet. Sitta biss. Dawn huma l-Qawra, il-Marsa, il-Gżira, Tignè, Paceville u l-Imrieħel.
Mela pjan hemm ukoll u għalhekk Marthese Portelli ma tistax tibqa tistaħba wara t-tweġiba li għandu jkun hemm pjan. Minflok trid tgħidilna x’taħseb dwar il-pjan. X’jaħseb il-PN nafu għax ivvota favurih.
Fuq kollox, l-uniku bini għoli approvat sal-lum dejjem kien taħt Gvern Nazzjonalista. La Ryan Callus, la George Pullicino, la Mario de Marco, la Beppe Fenech Adami u wisq anqas Simon Busuttil ma tkellmu kontra l-proġett tal-MIDI, Portomaso, l-A3 Towers f’Raħal Ġdid, Fort Cambridge jew il-Fortina.
Dan kollu juri kemm huwa opportunist Simon Busuttil. Din id-darba kompliet tesponih Marthese Portelli.
Mhux ta’ b’xejn quddiem dawn l-inkonsistenzi ma waqfux l-attakki riċenti fuq it-tmexxija ta’ Simon Busuttil. Li hu opportunist u diżappunt m’għidtux jien imma kitbuh nies qrib il-Partit Nazzjonalista. Naturalment naqbel magħhom. Bid-differenza li jien indunajt qabilhom.