Kompliet il-kawża dwar l-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet tal-Maġistrat Gabriella Vella, li damet erba’ snin u nofs biex tlestiet.
Fis-seduta tal-Ħamis, quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello xehdu bosta persuni kif mitluba mill-avukati difensuri.
Fost ix-xhieda kien hemm Emanuel Baldacchino li għamel xogħol ta’ kostruzzjoni fil-laboratorji tal-Life Sciences Park.
L-Avukat tad-Difiża, Arthur Azzopardi, talab lill-Qorti biex isir aċċess fis-sit tal-Life Sciences Park, hekk kif l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella qalet li l-proġett Cyclotron ma jeżistix. Il-Qorti ċaħdet din it-talba.
Fil-Qorti xehed ukoll Joseph Cremona mir-Radiation Protection Board li qal li fl-2016, il-bord irċieva l-ewwel notifika biex jintuża s-Cyclotron fil-Life Sciences Park.
L-Avukati difensuri tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi u Clarence Thompson mhux jikkontestaw il-prima facie. Dan filwaqt li kien hemm numru ta’ avukati difensuri li qed jikkontestaw il-prima facie, u oħrajn li qalu li se jħallu f’idejn il-Qorti biex tiddeċiedi.
Il-Qorti qalet li se tisma’ s-sottomissjonijiet tal-Avukati difensuri dwar dan fis-seduta li jmiss.