Kompla jinstema l-każ kontra Matthew Grech, Mario Camilleri u Rita Bonnici, li qed jiġu akkużati li ppromwovew prattiċi ta’ konverżjoni b’rabta mal-orjentazzjoni sesswali f’xandira diretta fuq il-midja soċjali.
Quddiem il-Maġistrat Monica Vella huma lkoll qed iwieġbu li mhux ħatja.
Fis-seduta tal-Ġimgħa xehdet Cynthia Chircop, waħda minn dawk li kienet daħħlet rapport għand il-Pulizija dwar dan il-programm. Hija saħqet li meta semgħet id-diskussjoni ftakret f’memorji koroh li kellha fil-passat.
Fix-xhieda ntqal kif l-għaqda li taħdem favur id-drittijiet tal-LGBTIQ+, l-MGRM, ġiet infurmata dwar dan il-programm.
Apparti ta’ Chircop, daħlu wkoll żewġ rapporti oħra għand il-Pulizija minn tnejn min-nies differenti.
Chircop semmiet kif f’okkażjonijiet differenti rat lil Matthew Grech jagħti intervisti u jitkellem dwar kif kien omosesswali u kkonverta mill-omosesswalità.
Ix-xhud qalet li hija għamlet rapport għax ħasset li d-diskors ta’ Grech kien tappan il-kredibbilità tal-persuni LGBTIQ+, u tkellem favur tal-prattiċi ta’ konverżjoni.