Illum wara nofsinhar il-Ministeru għat-Turizmu kompla għaddej bil-laqgħat ta’ informazzjoni u konsultazzjoni ma’ diversi stakeholders fis-settur tat-turiżmu fir-rigward tal-Airmalta. Illum il-Ministru Edward Zammit Lewis iltaqa’ ma’ rappreżentanti mill-Malta Hotels and Restaurant Association, Kamra tal-Kummerċ, General Retailers and Traders Union, Malta International Airport u mal-Bord tal-Malta Tourism Authority. Għal dawn il-laqgħat kien hemm ukoll il-preżenza tal-maniġment tal-Airmalta.
Fi stqarrija ntqal li kif diġà sar mal-unions tal-ħaddiema, il-qofol tal-laqgħa tal-lum kienet il-preżentazzjoni miċ-Chairperson Maria Micallef dwar il-Memorandum of Understanding, il-qagħda finanzjarja tal-Airmalta, in-negozjati ma’ sieħeb strateġiku u l-vizjoni fit-tul tal-Gvern għall-istess linja tal-ajru.
Il-Ministeru tat-Turiżmu qal li għal darb’oħra l-attendenza kienet waħda numeruza u dan ikompli jikkonferma kemm l-Airmalta tibqa’ ass starteġiku importanti għas-settur turistiku. Ġew imwieġba l-mistoqsijiet u saru interventi mill-Ministru Edward Zammit Lewis u l-President Emeritus George Abela.
Laqgħat oħrajn se jkomplu jsiru fil-ġimgħat li ġejjin fejn tingħata aktar informazzjoni lill-istakeholders dwar dak li se jkun qiegħed għaddej.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod responsabbli li qed isiru dawn il-laqgħat u saħaq li dan il-proċess kollu għandu jkun wieħed mill-aktar trasparenti. Hu rringrazzja lil dawk involuti għall-kontribut u x-xogħol tagħhom.