- ARRIGO JITKARRAB GĦALL-APPOĠĠ U JIKKONFERMA T-TĦASSIB
Fil-Partit Nazzjonalista ssokta l-inkwiet b’rabta mal-mod kif il-Kap, Simon Busuttil, ħadem il-koalizzjoni ma’ Marlene Farrugia.
Koalizzjoni li ftehim dwarha sar minn wara dahar il-grupp parlamentari Nazzjonalista tant li meta qabel il-waqfa għall-vaganzi tal-Għid saret laqgħa tal-grupp kien hemm membri li m’attendewx il-laqgħa li saret fil-Parlament anke jekk kienu fil-bini.
Fosthom id-deputati Claudio Grech u Martese Portelli.
Meta ħriġna d-dettalji minn dik il-laqgħa konna żvelajna wkoll kif fost dawk li jappoġġjaw lil Simon Busuttil dwar dan kien hemm Robert Arrigo li l-Ġimgħa kiteb fit-Times of Malta jitkarrab għall-appoġġ favur din il-koalizzjoni. Il-KullĦadd tista’ tiżvela li Arrigo kien mitlub jagħmel dan mill-uffiċċju komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fid-dawl tal-kritika interna għall-aħbar li Busuttil aċċetta li l-kandidati tal-Partit ta’ Marlene Farrugia jkunu fuq l-istess lista tal-PN.
Biex jiġġustifika dak li ħema Simon Busuttil ma’ Marlene Farrugia, f’wieħed minn diversi attentati ddisprati biex il-Kap Nazzjonalista jirbaħ il-poter, Robert Arrigo uża lil Silvio Berlusconi, eks Prim Ministru Taljan.
Qal li bħalu għandu jagħmel Simon Busuttil u jipprova jiġbor miegħu lil kull min jista’.
Skont hu l-kompetizzjoni mal-Partit Laburista hija raġuni għaliex il-Partit Nazzjonalista ngħaqad mal-Partit Demokratiku. Arrigo kiteb li koalizzjoni hija possibbli b’aġenda li hi ċara. U b’ton ta’ wieħed li qed jiddefendi proposta qal li huwa faċli li wieħed isib nuqqas fi proposta, imma dan m’għandux ikun l-għan din id-darba.
Fi kliem Arrigo l-esiġenzi tas-sistema elettorali Maltija jitolbu li l-Partit Demokratiku u l-Partit Nazzjonalista jingħaqdu flimkien.
Arrigo qal li “nieħdu ċans li niksbu iktar voti tal-ewwel għażla taħt umbrella komuni u nibqgħu niġġieldu għal voti oħra jaf tkun xi ħaġa li ma tintlaqax mill-ewwel mill-bażi tal-votanti.”
Intant, għalkemm Simon Busuttil u Marlene Farrugia rtiraw biċċa meta pubblikament qalu li l-ftehim mhux finalizzat l-imkejjen tagħna fid-Dar Ċentrali spjegaw kif dak li kiteb Anthony Buttigieg fl-artiklu fit-Times of Malta kien ikkonfermat. Buttigieg huwa d-Deputat Mexxej tal-Partit Demokratiku.
Fost oħrajn Anthony Buttigieg kien żvela li se jkun hemm manifest elettorali komuni bejn iż-żewġ partiti.
Filwaqt li l-kandidati se jkunu taħt l-istess lista, dik blu tal-Partit Nazzjonalista, Anthony Buttigieg kiteb fit-Times of Malta li jekk tintrebaħ l-elezzjoni mill-Partit Nazzjonalista, it-tmexxija tal-pajjiż se tieħu l-forma ta’ koalizzjoni. Skont hu, fil-Gvern ikollna żewġ partiti u mhux partit wieħed.
Saħansitra indika li kien hemm diskussjonijiet biex minflok il-Partit Nazzjonalista kif nafuh illum ikun hemm partit għalkollox ġdid.
Però kiteb ukoll li ma kienx hemm ċans għal dan u għalhekk ittieħdet l-ewwel għażla li tal-Partit Demokratiku jmorru fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista.