Li kieku r-roħs seta’ jsir bl-interconnector biss, il-kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ma kienx jgħid li r-roħs huwa impossibli qabel l-elezzjoni.
Dan intqal fi stqarrija mill-Ministeru fl-Uffiċju tal-Prim Ministru, fejn kien innotat li l-kap tal Oppożizzjoni llum kompla jikkonferma li jrid li pajjiżna jibqa’ bil-heavy fuel oil u li jrid li l-powerstation tal-Marsa u ċ-ċumnija l-antika ta’ Delimara jibqgħu joperaw.
Minkejja t-tfixkil kollu li ilha tipprova tagħmel sa mill-bidu nett l-Oppożizzjoni, il-gvern ħadem biex f’pajjiżna jkollna l-qalba għall-gass, li se ġġib arja iktar nadifa u li permezz tagħha, ir-roħs fil-kontijiet ser jibqa’ sostenibbli.
Ir-roħs qawwi ta’ 80 miljun ewro li daħħal fis-seħħ dan il-Gvern jiggarantixxi roħs u stabbilità fil- prezzijiet tul il-jum kollu u mhux bil-lejl kif kien ippropona l-istess kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil meta kiteb il-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.
L-energy mix ta’ dan il-gvern kif propost u kif qed jiġi implimentat, minn dejjem kien jikkonsisti minn impjanti li jaħdmu bil-gass, l-interconnector u enerġija rinnovabbli.
Ir-roħs fil-kontijiet li daħħal dan il-Gvern jiggarantixxi li pajjiżna jibqa’ kompetittiv. Minn sitwazzjoni ta’ fost l-ogħla kontijiet, ġejna f’sitwazzjoni fejn għandna r-raba’ l-irħas kontijiet, fl-istess waqt li qed inreġġgħu lura lil Enemalta fuq saqajha minn xifer ta’falliment li tħalliet fiha, minn Gvern preċedenti. Permezz tat-titjib fl-Enemalta f’dawn l-aħħar tliet snin, sar investiment qawwi fis-sistema tad-distribuzzjoni fejn il-qtugħ ta’ dawl naqas bi 80% meta mqabbel mal-2012.